Thursday, April 25, 2024

“Il-pandemija sabet pajjiż preparat fil-finanzi”

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna jxejjen tħassib dwar id-defiċit nazzjonali

Iż-żieda fid-defiċit nazzjonali mhix tinkwieta daqstant lill-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna għax il-finanzi tal-pajjiż jippermettu li Malta tilqa’ għall-impatt tal-pandemija anke jekk fl-istess waqt għamilha ċara li ma rridux nonfqu bla kontroll.

Il-Professur Scicluna kien qed jitkellem ma’ inewsmalta dwar l-aħħar ċifri maħruġin mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) li minnha jirriżulta li bejn Jannar u Lulju ta’ din is-sena id-defiċit nazzjonali kien ta’ madwar €1 biljun eżattament €1,051.8 bmiljun.

Dan il-ġurnal mhux biss staqsih għar-reazjoni tiegħu għal dawn iċ-ċifri imma wkoll jekk se jinbidlux il-pjanijiet tal-Gvern u kif l-istess ċifri kienu se jimpattaw fuq il-qagħda ġenerali tal-pajjiż u l-baġit li se jiġi ippreżentat ix-xahar id-dieħel.

Il-Ministru Scicluna beda biex irrimarka li bħal kull pajjiż ieħor fid-dinja Malta ntlaqtet mill-pandemija tal-COVID-19 bid-dħul tal-Gvern jonqos waqt li l-infiq tiegħu żdied sabiex jiġu ipprovduti miżuri li jtaffu mill-impatt tal-pandemija fuq il-likwidità tal-kumpaniji waqt li jiġu mħarrsa x-xogħol u d-dħul tal-ħaddiema. 

“Dan iwassal għal defiċit li minnu nnifsu jimpatta d-dejn nazzjonali madanakollu d-differenza f’Malta minn pajjiżi oħra hija li l-pandemija sabet pajjiż preparat fejn jidħlu l-finanzi tal-pajjiż”, saħaq il-Ministru tal-Finanzi.

Huwa spjega li sa mill-bidu tal-leġislazzjoni il-Gvern poġġa bħala prijoritża t-tkabbir ekonomiku tal-pajjiż u r-riforma fil-finanzi pubbliċi u kien grazzi għall-ħidma tal-istess gvern li fl-aħħar seba’ snin pajjiżna beda jirreġistra fost l-ogħla rati ta’ tkabbir fl-UE filwaqt li rnexxielna naqqsu d-defiċit u nibdew nirreġistraw surplus kull sena konsekuttiva mill-2016.

Huwa sostna li d-dejn, li kien saħansitra jaqbeż is-70% fl-2011, tniżżel għal 43.1% fl-2019 u dan kollu lil pajjiżna tah l-ispazju fiskali meħtieġ sabiex jekk tinqala’ xi kriżi, bħal ma fil-fatt ġara, ikun jiflaħ għad-daqqa waqt li l-Gvern ikun jista’ immedjatament jipprovdi għajnuna finanzjarja lill-familji u lill-intrapriżi.

Il-Ministru tal-Finanzi kompla li dawn il-miżuri diġà qed iħallu l-frott hekk kif l-aħħar statistika turi li l-qgħad f’Malta f’Lulju kien it-tielet l-inqas fl-UE waqt li d-dħul tal-ħaddiema f’Malta fit-tieni kwart ta’ din is-sena kien ogħla mill-istess perjodu tas-sena l-oħra. 

“X’differenza minn pajjiżi fejn il-pandemija sabithom b’dejn eċċessiv tant li ma setgħux jirrispondu kif xtaqu għall-pandemija u b’hekk qed ibatu konsegwenzi serji bħal telf qawwi fl-impjiegi u fid-dħul tal-ħaddiema!”, kompla l-Professur Scicluna.

Huwa semma kif il-politika għaqlija tal-Gvern għamlitha possibli li fil-baġit li ġej ikompli jipprovdi miżuri li jħarsu l-livell tal-għixien tal-familji minkejja d-daqqa fil-finanzi pubbliċi li ħalliet il-pandemija. 

Kien hawn li madankollu huwa wissa li dan ma jfissirx li l-Gvern jista’ jonfoq bla kontroll għaliex hekk nirriskjaw li nitilfu dak kollu li ksibna f’dawn l-aħħar snin. 

“Irridu nkomplu nkunu prudenti, nibbaġitjaw b’mod għaqli u nonfqu bi ħsieb. Għalhekk fil-Baġit 2021 se nkomplu nonfqu f’dawk il-miżuri li huma l-aktar effettivi f’termini ta’ għajnuna lill-familji u lin-negozji waqt li ninvestu fuq il-prinċipji li fuqhom imsejsa il-viżjoni tal-Gvern għal pajjiżna”, temm jgħid fil-kumment tiegħu.

Sport