Sunday, November 10, 2024

“Il-pandemija tal-Covid-19 spiċċat fl-Istati Uniti”

Il-President Amerikan Joe Biden

Aqra wkoll

Il-President tal-Istati Uniti Joe Biden iddikjara li l-pandemija spiċċat fl-Istati Uniti, għalkemm in-numru ta’ Amerikani li qed imutu minħabba l-Covid-19 qed ikompli jiżdied. “Għadna qed nagħmlu ħafna xogħol, iżda l-pandemija spiċċat,” qal Biden f’intervista televiżiva. 

Il-Kap tal-Għaqda Dinjija tas-Saħħa (WHO) il-ġimgħa li għaddiet qal li t-tmiem tal-pandemija jinsab “fil-qrib”. L-istatistika iżda qiegħda turi li bħala medja aktar minn 400 Amerikan qed imutu mill-virus kulljum. 

Waqt l-intervista, li xxandret il-Ħadd, is-Sur Biden qal li s-sitwazzjoni kienet qiegħda titjieb malajr, filwaqt li qed isir ħafna xogħol biex ikun ikkontrollat il-virus. Din kienet parzjalment iffilmjata fl-art tad-Detroit Auto Show fejn il-President għamel ġesti lejn il-folol. “Jekk tinnota, ħadd mhu liebes maskri,” qal Biden. “Kulħadd jidher li jinsab f’forma pjuttost tajba. Naħseb li s-sitwazzjoni qed tinbidel.” 

Min-naħa l-oħra, uffiċjali tal-amministrazzjoni qalu lill-midja Amerikana matul il-jum tat-Tnejn li l-kummenti ma wrewx bidla fil-politika u ma kien hemm l-ebda pjan biex titneħħa l-emerġenza tas-saħħa pubblika relatata mal-Covid-19 li għadha għaddejja. 

F’Awwissu, uffiċjali tal-Istati Uniti estendew l-emerġenza tas-saħħa pubblika, li ilha fis-seħħ minn Jannar 2020, sat-13 ta’ Ottubru. Sal-lum il-ġurnata, aktar minn miljun Amerikan mietu bil-Covid. 

Sport