Sunday, April 27, 2025

Il-Papa Franġisku, il-migranti u r-refuġjati

Tweġiba mnebbħa minn erba’ verbi
 Minn Charles Buttigieg

Aqra wkoll

Hu stess wild familja ta’ emigranti, ma setax jonqos li l-Papa Franġisku jkollu qrib qalbu l-krib tal-migranti u r-refuġjati fil-bżonn tagħhom li jsibu lil min jilqagħhom u joffrilhom ġejjieni ġenwin u sod, imsejjes fuq il-ħarsien tad-drittijiet u d-dinjità tal-bniedem.

Il-pedamenti li fuqhom Franġisku bena l-appelli tiegħu f’dan il-qasam kienu erba’ verbi: Il-merħba, il-protezzjoni, il-promozzjoni u l-integrazzjoni tal-migranti u r-refuġjati.

Fl-ewwel snin tal-pontifikat tiegħu, stqarr ripetutament it-tħassib partikolari tiegħu dwar il-qagħda mwegħra ta’ bosta migranti u refuġjati li jaħarbu mill-gwerer, persekuzzjonijiet, diżastri naturali u faqar. F’dan huwa ra “sinjal taż-żminijiet” li ppruva jinterpreta sa minn żjara li għamel f’Lampedusa fit-8 ta’ Lulju, 2013 – erbà xhur biss wara l-elezzjoni tiegħu bħala Papa.

Meta stabbilixxa id-Dikasteru għas-Servizz ta’ Żvilupp Uman Sħiħ, ried li jkun fih taqsima speċjali – għall-bidu taħt id-direzzjoni personali tiegħi – li turi t-tħassib tal-Knisja għall-migranti, nies maqlugħin minn djarhom, refuġjati u vittmi tat-traffiku tal-bnedmin.

“Kull stranġier li jħabbat fuq il-bieb tagħna huwa okkażjoni ta’ laqgħa ma’ Ġesù Kristu, li jidentifika ruħu mal-istranġier ta’ kull żmien li jiġi milqugħ jew rifjutat (Mattew 25:35-43),” qal fil-Messaġġ tiegħu għal Jum l-Emigranti u r-Refuġjati tas-sena 2018. 

“Il-Mulej jafda fl-imħabba materna tal-Knisja, lil kull bniedem li jkollu jħalli artu biex ifittex ġejjieni aħjar. Din is-solidarjetà trid tiġi murija b’mod konkret f’kull stadju tal-esperjenza migratorja: mit-tluq għall-vjaġġ, mill-wasla għar-ritorn. Din hija responsabbiltà kbira li l-Knisja trid taqsam ma’ dawk kollha li jemmnu u mal-bnedmin kollha ta’ rieda tajba, li huma msejħin biex, għall-bosta sfidi tal-migrazzjoni ta’ żmienna, iwieġbu b’ġenerożità, ħeffa, għaqal u billi jħarsu fil-bogħod, kull wieħed u waħda skont il-possibbiltajiet tagħhom.

“F’dan ir-rigward, nixtieq nirriafferma li t-tweġiba komuni tagħna tista’ tiġi artikolata b’erba’ verbi li jsibu s-sisien tagħhom fil-prinċipji tad-dutrina tal-Knisja: nilqgħu, nipproteġu, nippromwovu u nintegraw.”

Possibiltajiet usa’

Franġisku spjega li, fix-xenarju ta’ żmienna, nilqgħu tfisser, fuq kollox, li noffru lill-migranti u r-refuġjati possibilitajiet usa’  għal dħul sikur u legali fil-pajjiżi ta’ destinazzjoni. 

F’dan is-sens, hu  wera x-xewqa li jkjun hemm impenn konkret biex jitjieb u jiġi simplifikat il-proċess għall-għoti ta’ visas umanitarji u għall-għaqda mill-ġdid tal-familji. Fl-istess ħin, esprima wkoll it-tama li numru akbar ta’ pajjiżi jadottaw programmi ta’ sponsorxip privat u komunitarju, u jiftħu kuriduri umanitarji għar-refuġjati l-iktar vulnerabbli. 

“Barra minn dan, in-nies li jkunu qed jaħarbu minn konfliti f’pajjiżi ġirien għandhom jingħataw visas temporanji speċjali. It-tkeċċijiet kollettivi u arbitrarji ta’ migranti u refuġjati mhumiex soluzzjonijiet xierqa, speċjalment meta n-nies jintbagħtu lura f’pajjiżi li ma jistgħux jiggarantixxu r-rispett għad-dinjità tal-bniedem u d-drittijiet fundamentali.  

“Għal darba oħra, irrid nisħaq fuq l-importanza li l-akkomodazzjoni tal-bidu li jingħataw il-migranti u r-refuġjati tkun adekwata u dinjituża.”

Fil-programmi mifruxin ta’ merħba li diġà kienu qed iseħħu f’postijiet diversi, il-Papa lemaħ inizjattivi li kienu jidhru li qed jiffaċilitaw il-laqgħa personali u jippermettu kwalità ta’ servizz aħjar, b’garanziji akbar ta’ suċċess.  

Huwa qal li l-prinċipju taċ-ċentralità tal-persuna umana, mistqarr b’qawwa mill-predeċessur tiegħu, il-Papa Benedittu XVI, “jobbligana li s-sikurtà personali nżommuha dejjem quddiem is-sigurtà nazzjonali. Huwa meħtieġ, għalhekk, li niżguraw li n-nies inkarigati biex jikkontrollaw il-fruntieri jkollhom taħriġ tajjeb. Il-qagħda tal-migranti, dawk li jkunu qed ifittxu l-ażil u r-refuġjati titlob li jiġu garantiti lilhom s-sikurtà personali u l-aċċess għal servizzi bażiċi. F’isem id-dinjità fundamentali ta’ kull persuna, jixraq li jsir sforz biex dawk li jidħlu fil-pajjiż mingħajr ma jkunu awtorizzati ma jinżammux f’detenzjoni, imma jinstabulhom soluzzjonijiet alternattivi.”

Difiża tad-drittijiet u d-dinjità

Meta għadda biex jitkellem dwar it-tieni verb, nipproteġu, Franġisku qal li dan il-verb jista’ jiġu mifhum bħala serje ta’ azzjonijiet maħsubin biex jiddefendu d-drittijiet u d-dinjità tal-migranti u r-refuġjati, ikun xi jkun l-istatus legali tagħhom. Huwa spjega li, protezzjoni bħal din tibda fil-pajjiż ta’ oriġini, billi qabel ma jitlaq dak li jkun jingħata tagħrif ta’ min joqgħod fuqu u verifikat, u billi jkun imħares minn prattiċi ta’ reklutaġġ illegali  Kompla jgħid li dan għandu jkompli, kemm jista’ jkun, fil-pajjiż tal-migrazzjoni, b’mod li jkun żgurat li l-migranti jkollhom assistenza konsolari adekwata, id-dritt li f’kull żmien ikunu jistgħu jżommu għandhom personalment id-dokumenti tagħhom ta’ identità, aċċess ekwu għall-ġustizzja, il-possibbiltà li jiftħu kont bankarju personali, u l-garanzija li jkollhom il-minimu meħtieġ biex bniedem ikun jista’ jgħix. 

“Meta l-ħiliet u l-kompetenzi tal-migranti, dawk li jfittxu l-ażil u r-refuġjati jkunu rikonoxxuti u valorizzati b’mod xieraq, dawn ikunu riżors siewi għall-komunitajiet li jilqgħuhom,” qal Franġisku. “Għalhekk jien nittama li, f’rispett lejn id-dinjità tagħhom, fil-pajjiżi li jilqgħuhom il-migranti jingħataw il-libertà tal-moviment, il-possibbiltà li jaħdmu, u aċċess għall-mezzi tat-telekomunikazzjoni. Irrid nisħaq fuq il-bżonn li, għal dawk li jiddeċiedu li jmorru lura lejn arthom, jiġu żviluppati programmi soċjali u professjonali ta’ integrazzjoni mill-ġdid.”

Il-Papa fakkar li l-Konvenzjoni Internazzjonali fuq id-Drittijiet tat-Tfal tipprovdi bażi legali universali għall-ħarsien ta’ migranti li jkunu taħt l-età, kif ukoll li huma għandhom ikunu ħielsa minn kull forma ta’ detenzjoni marbuta mal-istatus migratorju tagħhom, u għandu jkollhom il-garanzija ta’ aċċess regolari għall-edukazzjoni primarja u sekondarja. Bl-istess mod, meta jikbru, għandu jkun garantit lilhom id-dritt li jibqgħu fejn ikunu u li jkollhom il-possibbiltà li jkomplu l-istudji tagħhom. 

Għal minuri li ma jkunux akkompanjati u minuri mifrudin mill-familji tagħhom, kompla jgħid il-Papa dwar il-verb nipproteġu, għandu jkun hemm programmi ta’ kustodja jew affidament temporanji.

“Id-dritt universali għal nazzjonalità għandu jkun rikonoxxut u ċertifikat kif meħtieġ għat-tfal kollha sa mill-mument ta’ twelidhom. Il-qagħda ta’ mingħajr stat li migranti u refuġjati kultant isibu ruħhom fiha tista’ tiġi evitata faċilment bl-adozzjoni ta’ ‘leġislazzjoni nazzjonali li tkun konformi mal-prinċipji fundamentali tal-liġi internazzjonali. L-istatus migratorju m’għandux jillimita l-aċċess għall-programmi nazzjonali tal-kura tas-saħħa u tal-pensjoni, u lanqas ma għandu jeffettwa t-trasferiment tal-kontibuzzjonijiet tagħhom f’każ li jiġu ripatrijati.”

Kisba tal-potenzjal sħiħ

Dwar il-verb nippromwovu, il-Papa Fanġisku qal li dan il-verb essenzjalment ifisser li naħdmu b’determinazzjoni biex jiġi żgurat li l-migranti u r-refuġjati kollha, kif ukoll il-komunitàjiet li jilqgħuhom, ikunu mgħejjunin jiksbu l-potenzjal kollu tagħhom bħala persuni, fid-dimensjonijiet kollha li jikkostitwixxu l-umanità li jrid il-Ħallieq. 

Huwa semma li fost dawn id-dimensjonijiet, irid jiġi magħruf il-valur veru tad-dimensjoni reliġjuża, b’mod li kull stranġier li jkun preżenti fit-territorju jkollu l-garanzija li jista’ jistqarr u jipprattika t-twemmin reliġjuż tiegħu bil-libertà. 

Il-Papa semma l-fatt li bosta migranti u refuġjati jkollhom ħiliet li jkunu jridu jiġu rikonoxxuti u valorizzati tajjeb. Huwa qal li, billi x-xogħol, min-natura tiegħu,  huwa destinat biex jgħaqqad il-popli, huwa ninkuraġġixxi li jsir sforz determinat biex titmexxa ’l quddiem l-inklużjoni soċjali u professjonali tal-migranti u r-refuġjati. Dan b’mod li jkunu garantiti għal kulħadd, inklużi dawk li jkunu qed ifittxu ażil, il-possibbiltà tax-xogħol, tagħlim tal-lingwa u ċittadinanza attiva, flimkien ma’ tagħrif biżżejjed fi lsien art twelidhom.

Fil-każ ta’ migranti li jkunu taħt l-età, jkompli l-Papa, l-involviment tagħhom fix-xogħol irid ikun regolamentat biex jiġu evitati l-abbużi u r-riskji għall-iżvilupp normali tagħhom. 

Fl-isfond ta’ din is-sejħa ta’ Franġisku, kien hemm dak li qal qablu l-Papa Benedittu XVI, meta fl-2006 ġibed l-attenzjoni fuq kif, fil-kontest tal-migrazzjoni, il-familja hija post u riżors tal-kultura tal-ħajja u fattur ta’ integrazzjoni ta’ valuri. 

Franġisku qal li l-integrità tal-familja għandha titmexxa dejjem ’il quddiem. Għandha wkoll tiġi appoġġjata l-għaqda mill-ġdid tagħha – inklużi nanniet, neputijiet u aħwa – mingħajr ma dan ikun kundizzjonat għal konsiderazzjonijiet finanzjarji. 

Għall-migranti, nies li jfittxu l-ażil u r-refuġjati li jkollhom xi diżabilità, il-Papa qal li għandu jkun hemm il-garanzija ta’ assistenza u appoġġ akbar. “

Filwaqt li nagħraf l-isforzi ta’ min ifaħħarhom li jeżistu diġà f’diversi pajjiżi, dwar dawk li huma kooperazzjoni internazzjonali u għajnuna umanitarja, jien nittama li l-offerta ta’ din l-assistenza tagħti kas tal-bżonnijiet (bħal assistenza medika u soċjali, kif ukoll edukazzjoni) tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw li jirċievu mewġiet qawwija ta’ migranti u refuġjati. Nittama wkoll li komunitajiet lokali li huma vulnerabbli u li qed iħabbtu wiċċhom ma’ tbatija materjali, ikunu magħdudin ma’ dawk li jirċievu l-għajnuna.” 

Għana interkulturali

Rigeward l-aħħar verb, nintegraw, il-Papa Franġisku qal li dan il-verb jorbot mal-opportunitajiet għal arrikkament interkulturali mnissel mill-preżenza ta’ migranti u refuġjati. 

Huwa qal li l-integrazzjoni mhix assimilazzjoni li twassal għas-soppressjoni jew biex dak li jkun jinsa l-identità kulturali tiegħu. “Il-kuntatt mal-oħrajn pjuttost għandu jgħin biex dak li jkun jiskopri ‘is-sigriet’ tagħhom, li jinfetaħ biex jilqa’ l-aspetti validi tagħhom u hekk jikkontribwixxi biex isiru jafu lil xulxin aħjar. Dan hu proċess twil li l-mira tiegħu hija li jifforma soċjetajiet u kulturi, li jagħmilhom dejjem iżjed rifless tad-doni, f’ħafna forom, ta’ Alla għall-bnedmin.”   

Il-proċess, kompla l-Papa, jistà jitħaffef bl-offerta ta’ ċittadinanza li ma tkunx marbuta ma’ kundizzjonijiet ekonomiċi jew ta’ lingwa u bil-faċilità ta’ regolarizzazzjoni straordinarja  għal migranti li jkollhom kas biex jibqgħu fit-tul fil-pajjiż. 

Huwa tenna l-bżonn li tiġi mgħejjuna b’kull mod il-kultura tal-inkontru, billi jitkattru l-opportunitajiet għal bdil interkulturali, bid-dokumentazzjoni u b’ħidma biex ikunu magħrufin il-metodi t-tajbin għall-integrazzjoni, u bl-iżvilupp ta’ programmi maħsubin biex iħejju l-komunitajiet lokali għal proċess ta’ integrazzjoni. 

Franġisku saħaq fuq il-kas speċjali ta’ nies li jkunu sfurzati jabbandunaw il-pajjiż fejn ikunu waslu minħabba kriżi umanitarja. “Għal dawn in-nies għandu jkun hemm assikurazzjoni ta’ assistenza adekwata għar-rimpatriju u programmi effettivi ta’ integrazzjoni mill-ġdid f’arthom.”

Impenn tal-Knisja

Lejn il-konklużjoni tar-riflessjonijiet tiegħu fuq l-erba’ verbi – il-merħba, il-protezzjoni, il-promozzjoni u l-integrazzjoni tal-migranti – Franġisku qal li, f’konformità mat-tradizzjoni pastorali tagħha, il-Knisja hija lesta timpenja ruħha biex twettaq l-inizjattivi kollha proposti minnu. “Biss biex ikunu jistgħu jinkisbu r-riżulati mixtieqa, huwa indispensabbli li jkun hemm il-kontribut tal-komunità politika u tas-soċjetà ċivili, ilkoll skont ir-responsabbiltajiet tagħhom.”

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport