Saturday, December 21, 2024

Il-Papa Franġisku jisħaq li l-gwerra tibqa’ telfa u jappella biex il-kunflitt ma’ jinfirixx

Aqra wkoll

Hekk kif fl-aħħar sigħat komplew l-attakki f’Gaża fejn fost l-aħħar vittmi kien hemm tewmin tat-twelid li nqatlu f’attakk Iżraeljan f’Gaża waqt li missierhom kien f’uffiċċju tal-gvern lokali biex jirreġistra t-twelid tagħhom, il-Papa Franġisku iddeskriva is-sitwazzjoni f’Gaża bħala li hi serja ħafna. Reġa’ għamel l-appell biex jieqaf il-ġlied. Il-Papa Franġisku għamel dan l-appell proprju fis-Solennità tal-Assunta. Dan l-appell sar hekk kif sar kuntatt meqjus importanti ħafna bejn ir-rappreżentant tal-Gvern Ċiniż, u l-Kardinal Zuppi dwar il-kunflitti fid-dinja. 

Il-Papa Franġisku waqt li esprima it-tħassib tiegħu lejn is-sitwazzjoni umanitarja f’Gaża, reġa’ talab għall-waqfien mill-ġlied u biex l-ostaġġi kollha jiġu meħlusin. Appella ukoll biex il-popolazzjoni tiġi megħjuna fis-sitwazzjoni diffiċli li tinsab fiha. 

Il-Papa inkoraġixxa biex isir kull sforz possibbli biex il-kunflitt ma jinfirixx lejn żoni oħra u appella għat-toroq ta’ negoziar biex it-traġedja li għaddejja tispiċċa malajr. “Ma ninsewx il-gwerra hi telfa”, jiddikjara l-Papa Franġisku. 

Konversazzjoni kordjali bejn il-Vatikan u ċ-Ċina

Aħbar li qiegħda titqies bħala pożittiva ħafna hi l-konversazzjoni li saret bejn ir-rappreżentant tal-Gvern Ċiniż għar-relazzjonijiet bejn l-Ewropa u l-Asja, Li Hui u l-Kardinal Matteo Zuppi dwar il-kunflitt fl-Ukrajna.  Il-konversazzjoni li kienet waħda telefonika intwera tħassib dwar is-sitwazzjoni fl-Ukrajna u l-bżonn li kun hemm djalogu bejn il-partijiet involuti. Il-konversazzjoni semmiet garanziji internazzjonali adekwati biex tintlaħaq il-paċi. 

Ta’ min jgħid li l-Kardinal Matteo Zuppi, kien intbagħat fuq missjoni ta’ paċi fi Kyiv, Moska, Washington u Beijing. 

‘Il-Madonna tinsab fl-Ewropa, fir-Russja u fl-Ukrajna”

Il-Kardinal Zuppi f’dikjarazzjoni li għamel proprju f’Jum Santa Marija, qal li l-Madonna taf bl-uġiegħ li hawn fid-dinja u spjega li l-uġiegħ tagħha jgħinna nifhmu l-uġiegħ ta’ dawk li bħalissa qegħdin ibatu.  Hu appella biex jintgħelbu id-differenzi u tirrenja l-paċi.

Tenna li “l-Madonna tinsab fl-Ewropa. Tinsab fir-Russja u l-Ukrajna. Tinsab fl-Art Imqaddsa, fil-Lvant Nofsani, fl-Afrika u kull fejn hemm il-gwerra u l-innoċenti ibatu.”  

Ekonomija

Sport