Il-Papa Franġisku mexxa l-Quddiesa ta’ Ħadd il-Palm fi Pjazza San Pietru, il-Vatikan, ġurnata wara li kien rilaxxat mill-isptar ta’ Ruma fejn kien rikoverat minħabba li kellu infezzjoni fis-sistema respiratorja. “Grazzi tal-attendenza u anke tat-talb tagħkom,” qal il-Papa lill-folla ta’ madwar 30,000 persuna li nġabru fil-pjazza.
Huwa kkonċelebra l-Quddiesa bilqiegħda, minħabba li ma setax joqgħod perjodi twal bilwieqfa. Fl-omelija tiegħu, huwa appella lin-nies sabiex ma jinjorawx lil dawk li qed jesperjenzaw tbatija kbira u solitudni.
“Illum in-numri tagħhom huma kbar. Popli sħaħ huma sfruttati u abbanduati. Il-foqra li jgħixu fit-toroq tagħna u aħna nħarsu n-naħa l-oħra. L-immigranti m’għandhomx uċuħ imma numri, il-priġunieri huma miċħuda,” qal il-Papa Franġisku.
Fi tmiem il-Quddiesa, il-Papa, kif jagħmel ta’ spiss fakkar fil-poplu Ukren, u appella għat-talb sabiex tiġi fi tmiemha l-gwerra li għaddejja f’pajjżhom.