Friday, November 15, 2024

Il-Papa Franġisku jżur il-vittmi ta’ abbuż sesswali mill-kleru fil-Portugall

Aqra wkoll

Il-Papa Franġisku kellu laqgħa privata mal-vittmi ta’ abbuż sesswali mill-kleru waqt żjara ta’ ħamest ijiem li qed jagħmel fil-Portugall.

Rapport li sar din is-sena kien ikkonkluda li minn tal-inqas 4,815-il tifel u tifla kienu ġew abbużati f’dan il-pajjiż u li l-Knisja fittxet “b’mod sistematiku” li taħbi l-kwistjoni.

F’Lisbona, il-Papa qal li l-Knisja trid tisma’ “l-għajta ta’ diqa tal-vittmi” filwaqt li żied jgħid li dan l-iskandlu “jsejħilna għal purifikazzjoni umli u kontinwa”.

Il-laqgħa, li preżenti għaliha kien hemm 13-il vittma ta’ abbuż, damet aktar minn siegħa. Għaliha attendew ukoll uffiċjali tal-Knisja Portugiża responsabbli mill-ħarsien tal-minuri.

Fi Frar, kummissjoni indipendenti mwaqqfa mill-Knisja Kattolika fil-Portugall ippubblikat rapport li jiddokumenta l-esperjenzi ta’ 564 persuna li qalu li kienu ġew abbużati minn qassisin jew uffiċjali oħra tal-Knisja.

Dan l-eżerċizzju, simili għal dawk li saru f’pajjiżi oħra madwar l-Ewropa u fl-Amerika, iħares lejn każijiet li jmorru lura saħansitra għall-1950. F’ħafna każijiet, ix-xhieda indikaw għal minorenni oħra li ġew abbużati u għalhekk l-għadd ta’ vittmi jitilgħu għal eluf.

Il-Papa Franġisku bħalissa jinsab fil-Portugall biex ifakkar il-Jum Dinji taż-Żgħażagħ, festival ta’ ġimgħa ta’ avvenimenti reliġjużi u kulturali mtella’ mill-Knisja li jiġi organizzat kull sentejn jew tliet snin fi bliet madwar id-dinja.

Ekonomija

Sport