Saturday, October 11, 2025

Il-Papa jħeġġeġ għal komunikazzjoni ħielsa minn ħsieb żbaljat

Aqra wkoll

Il-Papa Ljun XIV ikkundanna l-‘clickbait’ bħala parti degradanti tal-ġurnaliżmu, f’udjenza privata fil-Vatikan nhar il-Ħamis ma’ madwar 150 membru tal-alleanza tal-aġenziji tal-aħbarijiet Minds International. Rappreżentanti tal-midja Awstraljana kienu fost dawk preżenti fl-udjenza mal-Papa. 

Fl-ewwel sitt xhur tal-papat tiegħu, il-Papa kien sostenitur proattiv tal-ġurnaliżmu bħala ġid pubbliku li lkoll għandna nipproteġu.

Fl-udjenza ta’ nhar il-Ħamis, il-Papa rrimarka li “l-komunikazzjoni trid tinħeles mill-ħsieb żbaljat li jikkorrompiha, mill-kompetizzjoni inġusta u mill-prattika degradanti tal-hekk imsejjaħ clickbait li hija forma ta’ titlu sensazzjonali u iperboliku li jħajjar lill-qarrejja online biex jikklikkjaw fuq storja billi jħallu barra informazzjoni ewlenija.

Waqt li qara diskors bit-Taljan, il-Papa enfasizza wkoll ix-xogħol tal-ġurnalisti li jirrappurtaw minn Gaża u madwar l-Ukrajna u qal li l-aċċess liberu għall-informazzjoni huwa pilastru li jsostni l-bini tas-soċjetajiet, u għal din ir-raġuni, l-aċċess liberu għandu jkun difiż u garantit.

Il-Papa tkellem ukoll dwar l-isfidi li qed tiffaċċja l-midja tal-aħbarijiet biż-żieda tal-intelliġenza artifiċjali li qed tbiddel il-mod ta’ kif titwassal l-informazzjoni u l-mod ta’ komunikazzjoni u saħaq li t-teknoloġija ma tissostitwixxix lill-bnedmin. 

Papa Ljun XIV fid-diskors tiegħu poġġa wkoll it-trasparenza tas-sorsi, ir-responsabbiltà, il-kwalità u l-oġġettività bħala essenzjali għall-midja tal-aħbarijiet.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport