Nhar it-Tlieta 29 ta’ Lulju, il-Ġublew taż-Żgħażagħ fetaħ b’ħeġġa u riverenza waqt Quddiesa fi Pjazza San Pietru, il-Vatikan, li għaliha attendew madwar 120,000 Kattoliku minn madwar id-dinja. Il-Papa Ljun XIV għamel dehra sorpriża fi tmiem il-Quddiesa u lil dawk preżenti qalilhom: “Id-dinja teħtieġ messaġġi ta’ tama, intom dawk il-messaġġi” u flimkien kantaw, “Irridu l-paċi fid-dinja.”

“Xi sbuħija!”, enfasizza qassis Taljan waqt li pprova jimxi ’l fuq minn Via della Conciliazione, it-triq ewlenija li twassal għal Pjazza San Pietru, flimkien maż-żgħażagħ mid-djoċesi tiegħu ta’ Sqallija. Sa minn kmieni filgħodu, il-post kien jidwi bil-ħsejjes taż-żgħażagħ Kattoliċi minn madwar id-dinja kollha.
Maxime, Franċiż ta’ 26 sena, qal: “Ġejt biex naqsam dan il-mument ma’ mijiet ta’ eluf ta’ żgħażagħ minn kull qasam tal-ħajja, biex inkabbar il-fidi tiegħi, speċjalment billi niskopri mill-ġdid lil Ruma. “Huwa tassew sabiħ, qisu l-Jum Dinji taż-Żgħażagħ.”
Qassis li deher imexxi grupp kbir ta’ żgħażagħ minn Seoul, li se tospita l-Jum Dinji taż-Żgħażagħ li jmiss fl-2027 qal: “Dalwaqt, aħna wkoll se nilqgħu lil dawn iż-żgħażagħ kollha”. Waqt li enfasizza r-rwol ewlieni taż-żgħażagħ fl-evanġelizzazzjoni, huwa tenna li jinsab ċert li ż-żjara tal-Papa f’pajjiżu se tgħin lil ħafna nies jiskopru aktar lil Kristu.
“Ruma tinsab f’idejkom”
Kien l-Arċisqof Rino Fisichella, il-Kap tad-Dekasteru inkarigat mill-organizzazzjoni tal-Ġublew, li ppresjeda l-Quddiesa flimkien ma’ għadd kbir ta’ Isqfijiet. “F’isem il-Papa Ljun XIV, nilqagħkom!” huwa qal lill-folla miġbura fi Pjazza San Pietru. “Ruma, b’dak kollu li tirrappreżenta, tinsab f’idejkom!” assigurahom l-Arċisqof Taljan.
Ħafna miż-żgħażagħ dehru li ma kinux jafuh, b’oħrajn urew id-diżappunt tagħhom għall-fatt li ma kienx il-Papa li kien qed jiċċelebra l-Quddiesa. “Imma naraw lill-Papa aktar tard, ma jimpurtax,” instemgħet tgħid mara żagħżugħa mill-Arġentina lil ħabibitha.
Imbagħad, sorpriża papali
L-Arċisqof Fisichella nnota li kien hemm nies fil-folla li għamlu “sagrifiċċji kbar” biex jiġu Ruma, speċjalment dawk li kienu ġejjin minn żoni ta’ gwerra. “Il-Mulej mhux se jiddiżappuntakom. Huwa ġej jiltaqa’ magħkom, u intom tridu tkunu attenti biex tilqgħu l-preżenza tiegħu,” huwa żied jgħid filwaqt li sellem lill-pellegrini Ukreni u Palestinjani, fost applaws kbir mill-folla.

Fl-omelija tiegħu, l-Arċisqof Fisichella ħeġġeġ liż-żgħażagħ biex jgħixu l-fidi tagħhom fil-libertà u t-tama. Talabhom jiġġieldu l-“vjolenza kbira” li taffettwa d-dinja, “mhux biss f’żoni ta’ gwerra.” Fl-aħħar nett huwa stieden liż-żgħażagħ f’Tor Vergata fin-nofsinhar ta’ Ruma għall-avvenimenti konklussivi tal-Ġublew, li saru bejn is-Sibt u l-Ħadd li għadda u li fihom ħa sehem ukoll il-Papa.
Madanakollu, il-Papa kellu sorpriża oħra lesta għalihom. Dan hekk kif fl-aħħar tal-Quddiesa, huwa deher ġej fil-popemobile. Il-ferħ taż-żgħażagħ Kattoliċi kollha kien evidenti bil-Papa jgħaddi minn qalb il-folla, tul il-Via della Conciliazione, fejn anke sellem lil dawk li ma kinux fi Pjazza San Pietru.
Imbagħad, meta tela’ fuq l-artal, il-Papa għamel indirizz qasir bl-Ingliż, bl-Ispanjol u bit-Taljan filwaqt li bierek lill-folla.
“Ġesù jgħidilna li intom il-melħ tal-art, intom id-dawl tad-dinja,” qal il-Papa filwaqt li faħħar l-entużjażmu ta’ dawn iż-żgħażagħ. “Id-dinja teħtieġ messaġġi ta’ tama, intom dawk il-messaġġi,” qalilhom. Ħeġġiġhom biex ikomplu isemmgħu leħinhom, speċjalment għall-paċi fid-dinja.

“Nittamaw li intom ilkoll dejjem tkunu sinjali ta’ tama fid-dinja! Fil-jiem li ġejjin, se jkollkom l-opportunità li tkunu forza li tista’ tagħti l-grazzja t’Alla, messaġġ ta’ tama, dawl lill-belt ta’ Ruma, lill-Italja u lid-dinja kollha. Ejjew nimxu flimkien bil-fidi tagħna f’Ġesù Kristu. U l-għajta tagħna trid tkun ukoll għall-paċi fid-dinja. Ejjew ilkoll ngħidu: ‘Irridu l-paċi fid-dinja.”
Sadanittant, ilbieraħ, il-Papa Ljun XIV ħeġġeġ lil aktar minn miljun żagħżugħ u żagħżugħa Kattoliċi biex “ixxerrdu l-entużjażmu u x-xhieda tal-fidi tagħhom”, meta jirritornaw lura fi djarhom, f’madwar 150 pajjiż differenti. Huwa għamel dan l-appell f’quddiesa f’Tor Vergata, fejn ġew fi tmiemhom l-attivitajiet marbuta mal-Ġublew taż-Żgħażagħ.