Sunday, December 22, 2024

Il-Papa jiddeskrivi s-sess bħala xi ħaġa sabiħa ħafna

Aqra wkoll

Il-Papa Franġisku kellu kliem sabiħ ħafna dwar is-sess bħala virtu f’wieħed mid-dokumentarji maħruġin fl-aħħar jiem. Infatti huwa ddeskrivha s-sess bħala “Waħda mill-affarijiet is-sbieħ li Alla ta lill-bniedem”.

Fl-età ta’ 86 sena, il-Papa kkummenta dwar diversi suġġetti meqjusin bħala kontroversjali waqt li kien qiegħed jiltaqa’ ma’ 10 żgħażagħ lura fl-2022. Fost is-suġġetti msemmija kien hemm id-drittijiet ta’ persuni LGBTIQ+, l-abort, il-pornografija, is-sess, il-fidi u l-każi t’abbuż sesswali fil-Knisja Kattolika.

Il-Papa Franġisku saħaq li hija rikkezza li persuna tesprimi lilha nnifisha sesswalment, madanakollu dak kollu li jbiegħed lill-bniedem mill-espressjoni reali tas-sess ikun qiegħed jisfuma fix-xejn din ir-rikkezza. Huwa qal dan b’referenza għall-masturbazzjoni.

Rigward persuni LBTIQ+, il-Papa qal li kulħadd jifforma parti mill-familja kbira t’ Alla u li Alla ma jirrifjuta lil ħadd. Bl-istess mod, hu m’għandu l-ebda dritt li jagħlaq il-bibien tal-Knisja lil xi ħadd minn dawn il-persuni.

Meta mistoqsi fuq l-abort huwa qal li l-prattika tibqa’ waħda inaċċettabbli, iżda madanakollu l-qassisin jeħtieġ li jkollhom ħniena minn dawk in-nisa li ħadu d-deċiżjoni li jitterminaw it-tqala tagħhom.

Ir-rimarki tal-Papa ġew ippubblikati minn L’Osservatore Romano, il-gazzetta uffiċjali tal-Vatikan, li ddeskriviet il-konversazzjoni tiegħu maż-żgħażagħ bħala “djalogu miftuħ u sinċier”.

Ekonomija

Sport