Papa Franġisku sejjaħ għal passi konkreti biex il-gwerra fl-Ukrajna tiġi fi tmiemha u biex jiġi evitat diżastru nukleari fl-impjant tal-enerġija ta’ Zaporizhzhia.
Nhar it-Tlieta li għadda, l-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija Atomika qalet li għaddejjin diskussjonijiet biex uffiċjali tagħha jżuru dan l-impjant li jinsab fin-Nofsinhar tal-Ukrajna, żona li fil-preżent tinsab f’idejn is-suldati Russi.
F’dawn l-aħħar ġimgħat ir-Russja u l-Ukrajna kemm-il darba waħħlu f’xulxin għall-attakki li qed iseħħu qrib dan l-impjant li huwa l-ikbar wieħed fl-Ewropa. Dan qiegħed inissel biża’ li jekk jintlaqat dan jista’ jikkawża diżastru nukleari bla preċedent u għalhekk in-Nazzjonijiet Uniti qiegħda tħeġġeġ biex din iż-żona ssir wara demilitarizzata. Ir-Russja kienet ħadet kontroll ta’ dan l-impjant ftit tal-jiem wara li bdiet fl-invażjoni fl-24 ta’ Frar, iżda dan xorta waħda għadu qiegħed jiġi operat minn ħaddiema Ukreni.
Fid-diskors tiegħu, il-Papa qal li jittama li jkun hemm passi konkreti biex dan il-kunflitt jieqaf u jiġi evitat diżastru nukleari. Il-Papa ddeskriva l-gwerer bħala “ġennata” u anke rrefera għall-mewt ta’ Darya Dugina li hija bint Russu prominenti alleat ta’ Putin. Dwar dan, il-Papa qal li “l-innoċenti jħallsu l-prezz tal-gwerra”. Moska qiegħda tallega li aġenti Ukreni kienu wara l-karozza bomba li ħadet il-ħajja ta’ Dugina, filwaqt li Kiev qiegħda tgħid li ma kellhiex x’taqsam ma’ dan.
Fid-diskors tiegħu l-Papa kellu kliem iebes fil-konfront tal-merċenarji li japprofittaw ruħhom mill-gwerer u ddeskriviehom bħala “delinkwenti li joqtlu l-umanità”.
Ix-xahar li għadda Papa Franġisku kellu intervista mal-aġenzija tal-aħbarijiet Reuters u fiha qal li jixtieq iżur Kiev, iżda qabel jixtieq li jżur Moska biex hemm jippromwovi l-paċi.