Sunday, November 24, 2024

Il-Papa joħroġ mill-isptar wara li fl-aħħar jiem saritlu operazzjoni tal-ftuq

Aqra wkoll

Il-Papa Franġisku qed jikseb saħħtu lura wara l-operazzjoni tal-ftuq li saritlu fis-7 ta’ Ġunju li għadda, tant li iktar kmieni llum ħareġ mill-Isptar Gemelli f’Ruma fejn kien rikoverat.

Hekk kif ħareġ mill-isptar, il-Papa Franġisku waqqaf il-karozza tiegħu għal ftit ħin biex isellem lill-folla preżenti.

L-aħbar li l-Qdusija Tiegħu ħareġ mill-isptar ingħatat fi stqarrija qasira mid-Direttur tal-Uffiċċju Stampa tas-Santa Sede, Matteo Bruni.

Il-kirurgu li opera fuq il-Papa, Dr Sergio Alfieri, qal li l-Papa jinsab tajjeb, saħansitra aħjar minn qabel. Il-Papa, meta wieġeb għall-mistoqsijiet ta’ xi ġurnalisti dwar kif kien iħossu qal “Għadni ħaj,” u esprima s-sogħba tiegħu għall-imwiet traġiċi tal-migranti fil-Greċja.

Wara t-tluq tal-Papa mill-isptar, huwa żamm it-tradizzjoni tiegħu li jagħmel żjara fil-bażilika Marjana ta’ Santa Maria Maggiore ta’ Ruma biex qagħad jitlob għal ftit tal-ħin. L-istess żjara fil-Bażilika kien għamilha wkoll meta rritorna lejn il-Vatikan, wara li kien iddaħħal l-isptar għal bronkite fl-1 ta’ April 2023, u wara l-operazzjoni tal-kolon fl-14 ta’ Lulju 2021.

L-istqarrija tal-Uffiċċju Stampa kkonfermat il-progress tal-Papa, filwaqt li ddikjarat b’mod konsistenti r-rapporti tat-tim mediku li saħħet il-Papa kienet qed titjieb progressivament u l-kors u l-irkupru ta’ wara l-operazzjoni huwa regolari. Il-Papa Franġisku mistenni li eventwalment jerġa’ jibda l-ivvjaġġar u l-attivitajiet normali tiegħu.

Il-Papa Franġisku għamel żjara wkoll fis-sala tal-kanċer tat-tfal tal-isptar Gemelli, li kien żar ukoll waqt l-aħħar żjara tiegħu fl-isptar qabel il-Ġimgħa Mqaddsa għall-kura tal-bronkite. Matul iż-żjara tiegħu, il-Papa rringrazzja lill-istaff mediku kollu għall-professjonalità tagħhom u l-isforzi tagħhom biex itaffu t-tbatija tal-oħrajn, mhux biss bil-medikazzjoni, iżda wkoll b’tenerezza u umanità.

Sport