F’diskursata bit-telefon mal-President Vladimir Putin, il-Papa Ljun XIV ħeġġeġ lir-Russja biex tieħu passi li jiffavorixxu l-paċi, filwaqt li enfasizza l-importanza tad-djalogu. Fit-telefonata ta’ nhar l-Erbgħa waranofsinhar, il-fokus speċjali tad-diskursata ċċentra fuq il-gwerra fl-Ukrajna.
Matteo Bruni, Direttur tal-Uffiċċju Stampa tas-Santa Sede, qal li l-Papa u l-President Putin iddiskutew is-sitwazzjoni umanitarja, kif ukoll il-ħtieġa li tiġi ffaċilitata l-għajnuna fejn meħtieġ.
Bruni kompla jgħid li l-Papa appella lir-Russja biex tagħmel ġest li jiffavorixxi l-paċi, filwaqt li enfasizza l-importanza tad-djalogu biex jinħolqu kuntatti pożittivi bejn il-partijiet u jfittxu soluzzjonijiet għall-kunflitt.
Il-Papa Ljun XIV u l-President Putin iddiskutew ukoll l-isforzi kontinwi għall-iskambji ta’ priġunieri u l-valur tax-xogħol li l-Kardinal Matteo Maria Zuppi, Arċisqof ta’ Bologna, qed jagħmel f’dan ir-rigward.
Fl-istess taħdita, il-Papa rrefera għall-Patrijarka Kirill tar-Russja, fejn irringrazzjah għall-awguri li huwa bagħatlu fil-bidu tal-pontifikat tiegħu u enfasizza kif il-valuri Kristjani kondiviżi jistgħu jkunu d-dawl li jgħin biex wieħed ifittex il-paċi, jiddefendi l-ħajja, u jfittex libertà reliġjuża ġenwina.