Monday, May 13, 2024

Il-Park ta’ San Klement se jiġi jgħaqqad mal-Fgura

- Il-Prim Ministru Robert Abela

Aqra wkoll

Il-Prim Ministru dalgħodu sostna kif ir-riformi fl-iskart imorru paripassu mal-bidliet ambjentali. Għażla bejn tittiħidx aktar art għall-miżbliet jew dik l-art tinbidilx fi spazji ħodor jew spazji miftuħa. Is-sena li għaddiet, l-ammont ta’ skart li kien jispiċċa f’miżbliet naqas bi 23%. Għoxrin elf tunnellata ta’ skart li minflok saru riżorsa.

“Għalhekk stajna u nistgħu nibqgħu għaddejjin bix-xogħol biex l-impjant ta’ riċiklaġġ ta’ Wied il-Għajn nibdluh fi spazju miftuħ. Fejn ħaddieħor żviluppa miżbla, aħna se nagħmlu ġnien għall-familji. U din mhux l-ewwel waħda. F’Wied Fulija u f’tal-Qortin għandna l-aqwa eżempju ta’ dan,” qal il-Prim Ministru.

Dwar l-ispazji miftuħa biex ikomplu jitgawdew min-nies, Robert Abela semma kif il-Park ta’ San Klement issa l-Gvern kommess li jestendih u jġibu jgħaqqad mal-Fgura. Se jirdoppja fid-daqs. Apparti minn hekk, din il-ġimgħa, il-kabinett approva t-twaqqif ta’ awtorita’ ta’ azzjoni għall-bidla fil-klima biex ikompli jissaħħaħ dan is-settur.

Il-Prim Ministru tenna l-messaġġ ta’ għaqda li hija kruċjali għall-aqwa riżultati. “Meta tkun Gvern tan-nies, qatt mhu se jonqos il-kuraġġ li taħdem u ġġib il-bidla. Għax tajbin kemm huma tajbin ir-riżultati miksuba, qatt mhu se nieqfu nkunu l-forza tar-riformi.”

Din il-ġimgħa fil-Kabinett, il-Prim Ministru qal ukoll kif komplew id-diskussjonijiet għal aktar inizjattivi maħsuba biex jgħinu lin-nies quddiem l-isfidi tal-għoli tal-ħajja.

“Iva, mal-għajnuna fl-enerġija, se nniedu iktar inizjattivi. Filwaqt li l-inflazzjoni għal ħafna oġġetti nieżla, il-prezzijiet tal-ikel donnhom eċċezzjoni. U hemm ukoll la qtajna u lanqas se naqtgħu qalbna. Hemm ukoll irridu niggarantixxu stabbiltà u huwa f’dak il-għan li se nkunu qed naħdmu fil-jiem u l-ġimgħat li ġejjin.”

Għall-kuntrarju, il-PM sostna kif l-Oppożizzjoni qatt ma tiġġieled il-ġlieda tan-nies u minflok tinfexx fil-bsaten fir-rot. “Aħna smajna l-karba tagħkom u mhux se nieqfu naħdmu sakemm tieħdu dak li ħaqqkom.”

Il-Partit tal-ġustizzja soċjali li twieled biex jagħder, iħobb u jwettaq il-ħolm tan-nies. Fuq kollox, il-partit tar-riformi.

“Minn pajjiż bl-agħar drittijiet ċivili ġejna dak bl-aqwa. Minn pajjiż bl-anqas rata ta’ nisa jistgħu jaħdmu illum għandna l-istess rata ta’ nisa jaħdmu tal-Ġermanja. Kemm eluf ta’ ħajjiet tejjibna għax emminna fin-nies. Għax tajnihom l-opportunita li jaħdmu, li jħobbu lil min iridu, li jiksbu dak li joħolmu. Kemm ġibna u għad irridu nġibu bidliet minn dawn.”

Il-Prim Ministru temm b’messaġġ ċar kif dan il-Partit mhux se jistrieħ fuq il-kisbiet tiegħu.

“Nitkellmu fuq is-suċċessi, għax aħna nieħdu gost bis-suċċess ta’ pajjiżna. Imma dak huwa biss il-bażi biex niksbu iktar. Biex nibqgħu nkunu l-Gvern tan-nies. Imma għandna bżonn lilkom kollha.Għax sakemm nibqgħu nsibu lilkom warajna, xejn ma jista’ jwaqqafna. Biex nibqgħu mmexxu lil dan il-pajjiż ‘il quddiem.”

Sport