Wara s-suċċess tal-ewwel edizzjoni ta’ Christmas in the Park, il-Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża qed itella’ dan il-villaġġ ġewwa l-Park Nazzjonali tas-Salina.
F’dawn il-jiem festivi sat-18 ta’ Diċembru 2022, il-familji Maltin u Għawdxin se jkollhom l-opportunità li jgawdu villaġġ tal-Milied ġewwa l-Park Nazzjonali tas-Salini. Christmas in the Park huwa avveniment bi dħul bla ħlas.
It-tieni edizzjoni ta’ Christmas in the Park ġiet varata uffiċjalment mill-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l- Intrapriża Miriam Dalli hekk kif dan il-park ġie mibdul f’villaġġ tal-Milied, bil-għan li jqarreb lin-nies lejn l- ambjent, filwaqt li jferraħ lill-viżitaturi f’atmosfera natalizja mill-isbaħ.
“Il-valuri ambjentali li qed jiggwidaw il-mixja ta’ pajjiżna lejn futur isbaħ u aktar sostenibbli rridu ngħixuhom f’kull ma nagħmlu. Jekk tassew nixtiequ li aktar persuni jgawdu l-ispazji miftuħa ta’ pajjiżna, irridu nagħmluhom aktar aċċessibbli, u rridu nagħtuhom il-ħajja b’attivitajiet sostenibbli, bħal Christmas in the Park. Fl-istess waqt, l-impenn lejn il-ħarsien ambjentali f’diversi aspetti ta’ ħajjitna rridu nsostnuh is-sena kollha, anke fil-festi tal- Milied. Għalhekk, qed nistiednu lill-familji jiġu u jifhmu aħjar kif nistgħu ngawdu l-Milied b’mod sostenibbli,” qalet il-Ministru Miriam Dalli.
Christmas in the Park qed jittella’ grazzi għall-Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża u l-entitajiet tiegħu, li dawru żoni differenti ta’ dan il-park f’ambjent maġiku tal-Milied, f’armonija man-natura. F’dan il- villaġġ, it-tfal u l-familji jistgħu jieħdu sehem f’logħob, iduqu ikel tradizzjonali tal-Milied u jgawdu divertiment ieħor relatat ma’ dawn iż-żminijiet. Dan kollu fil-preżenza tal-karattri tal-Milied, bħal Santa Klaws, Rudolph u Frosty the Snowman, fost oħrajn.
Parti mill-park inbidlet f’Enchanted Forest, b’diversi effetti tad-dwal fejn il-familji jistgħu jimxu u jammiraw karattri u strutturi b’tema ambjentali, b’ħafna lwien mill-isbaħ. It-tfal għandhom ukoll iċ-ċans li jiltaqgħu ma’ Santa Klaws fit-tinda speċjali tiegħu fil-park.
F’dan il-villaġġ tal-Milied, il-pubbliku jista’ wkoll jikseb iktar tagħrif dwar kif nistgħu niċċelebraw il-Milied b’mod sostenibbli.
Il-programm tal-attivitajiet ta’ Christmas in the Park jinsab fuq is-sit christmasinthepark.mt. Matul il-ġimgħa, dan il-villaġġ tal-Milied jinsab miftuħ mill-5pm sal-10pm. Sibtijiet u Ħdud u festi pubbliċi, id-divertiment fil- park jibda fl-10am u jibqa’ għaddej sal-10pm.