Is-Sindku jisħaq li l-Kunsill ma jistax jibqa’ jħallas €100,000 fis-sena
Iż-żona ta’ San Pawl il-Baħar, Bugibba u l-Qawra hija żona bi problema kbira ta’ parkeġġ. Problema li r-residenti ilhom isofru u jidher li aktar ma jgħaddi ż-żmien, aktar din is-sitwazzjoni se tkompli tiggrava. Dan hekk kif il-popolazzjoni u l-bini ta’ appartamenti f’dawn iż-żoni qegħdin ikomplu jiżdiedu. Waħda mill-inizjattivi meħuda proprju biex tittaffa’ l-problema ta’ parkeġġ fil-Qawra hija l-użu mill-pubbliku tal-parkeġġ tal-Kuleġġ ta’ Marija Reġina, l-iskola Primarja ftit ‘il fuq mil-Knisja Parrokkjali. Dan il-parkeġġ huwa kbir u jesa’ madwar 200 karozza.
L-għatx kbir għal spazji ta’ parkeġġ f’din iż-żona huwa kkonfermat hekk kif ta’ kuljum, minn kmieni wara nofsinhar, dan il-parkeġġ ikun diġà mimli kollu. S’issa, dan il-parkeġġ li nbena mal-Iskola Primarja tal-Qawra, huwa bla ħlas. Iżda, minn informazzjoni li waslet lil L-ORIZZONT, mill-aħħar ta’ din is-sena l-pubbliku, inkluż ir-residenti, se jibda jkollu jħallas biex idaħħal il-karozza fih.
Bil-għan li nikkonfermaw dan tkellimna mas-Sindku tal-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar, Ċensu Galea li min-naħa tiegħu rreferina għal talba li kien għamel il-Kunsill precedenti fl-2023 “wara li kien iddeċieda li għandu jkun hemm ħlas ta’ €2 kuljum (kull 24 siegħa) għal dawk li mhumiex residenti fil-lokalità u ħlas ta’ €1.5 għal dawk li huma residenti f’San Pawl il-Bahar, ukoll ta’ kuljum għal 24 siegħa”. Qal li kien ġie deċiż ukoll li l-vetturi m’għandhomx jitħallew fil-garaxx għal aktar minn 72 siegħa.
Fid-dawl ta’ din id-dikjarazzjoni tkellimna mas-Sindku u l-Viċi Sindku tal-amministrazzjoni tal-Kunsill Lokali ta’ qabel – Alfred Grima u Carlos Zarb rispettivament fejn ikkonfermaw il-Bye-Law u r-raġunijiet “għaqlija” warajha. Dawn però ċċaraw li hija fil-fakultà tal-Kunsill preżenti jekk dan il-parkeġġ pubbliku jsirx bil-ħlas jew le. Is-Sindku preżenti Ċensu Galea semma’ l-ħsieb ta’ ħlas “għax il-Kunsill ma jistax jibqa’ jħallas €100,000 is-sena” għall-manutenzjoni ta’ dan il-parkeġġ. Dak ta’ qablu – Alfred Grima – però, tefa’ dawl fuq nuqqas finanzjarju li għandu l-Kunsill preżenti u qal li jemmen li l-ħlas impost fuq ir-residenti, jekk isir, ikun biex jagħmel tajjeb għal nuqqasijiet finanzjarji tal-Kunsill taħt din it-tmexxija ġdida. Il-eks Viċi Sindku Caros Zarb fuq l-istess nota ppreċiża li jekk il-Kunsill ta’ bħalissa jrid, jista’ jemenda jew jirrevoka l-Bye-Law billi jagħmel użu mir-remedji li għandu aċċess għalihom. Dan “flok juża d-diska tas-soltu u jara f’min se jwaħħal”.
“Bye-Law li qatt ma ġiet approvata…
Iktar minn darba l-Kunsill talab għal deċiżjoni”
– Is-Sindku Ċensu Galea dwar spejjeż relatati mas-sigurtà fil-parkeġġ…
Is-Sindku Ċensu Galea qal lil dan il-ġurnal li din il-proposta tal-ħlas kienet intbagħtet lill-Gvern Ċentrali fl-2023 permezz ta’ proposta ta’ Bye-Law li kienet ġiet sottomessa. Spjega li, “din il-Bye-Law baqgħet qatt ma ġiet approvata, jew aħjar baqgħet fuq l-ixkaffa tistenna li jkun hemm deċiżjoni dwarha. Matul l-aħħar sena, iktar minn darba, tlabna għal deċiżjoni dwar l-istess Bye-Law imma s’issa għad ma kienx hemm risposta formali. Għal dan il-għan, m’inix f’pożizzjoni li ngħid jekk hux se jidħol fis-seħħ il-ħlas propost mill-Kunsill precedenti u lanqas nista’ ngħid li se jiġi aċċettat. Il-kwistjoni għadha pendenti quddiem l-awtoritajiet tal-Gvern Centrali”.
Galea saħaq li parkeġġ pubbliku “ma jistax ikun miftuħ għall-abbużi u allura jrid ikun hemm sigurtà fih. Meta, għal darb’oħra l-Kunsill preċedenti ħa d-deċiżjoni li jiftaħ il-parkeġġ, wara ftehim li ġie ffirmat mad-Dipartiment tal-Edukazzjoni, kien hemm deċiżjoni li tinħareġ tender għas-sigurtà u li jkun hemm ukoll (f’ħinijiet mhux koperti bit-tender tas-sigurtà), ħaddiema tal-kunsill li jkunu preżenti fil-parkeġġ. Bejn il-ħaddiema tal-Kunsill u l-kuntratt tas-sigurtà, il-Kunsill qiegħed ikollu spiża ta’ kważi €100,000 fis-sena”.
Jinsisti li l-Kunsill ma jistax jibqa’ jħallas…
Irid “kumpens minn x’imkien”
Hawn is-Sindku ta’ San Paw il-Baħar spjega li l-kuntratt jitkellem dwar estensjoni ta’ sena sena u meta iktar kmieni din is-sena dan il-kuntratt ġie estiż, “il-Kunsill ħa deċiżjoni li qabel naslu għal perjodu ieħor ta’ estensjoni, għandha tiġi drafted proposta għal possibbiltà ta’ amministrazzjoni differenti ta’ dan il-parkeġġ. Li huwa żgur huwa li ma jistax ikun li Kunsill Lokali bħalma huwa ta’ San Pawl il-Baħar, li għandu ħtiġijiet ferm iktar imminenti, jibqa’ jħallas €100,000 fis-sena mingħajr ma jkollu kumpens minn x’imkien”.
Galea ammetta li hemm problema kbira ta’ spazji għal parkeġġ għar-residenti fejn elabora li, “San Pawl il-Bahar kollu jinsab fi stat tragiku għal dak li jikkonċerna l-parkeġġ għax filwaqt li l-popolazzjoni splodiet bil-kbir, il-faċiitajiet ta’ parkings ma żdiedux biżżejjed. Anzi, f’ċertu nħawi l-faċilitajiet fit-toroq naqsu għax kulfejn tittella’ blokka appartamenti qegħdin jintilfu bejn żewġ u tliet parkeġġi kull darba minħabba l-fatt li jkunu jridu jitneħħew parkeġġi ħalli jagħtu aċċess għal xi basements li jista’ jkun hemm. Il-proposta li kien hemm fil-Bye-Law li kienet proposta fl-2023, fil-fatt kienet waħda ta’ ħlas issussidjat kif indikat iktar ‘il fuq”.
Huwa qal li s’issa ma hemmx proposti skemi differenti għal dawk li jipparkjaw fil-parkeġġ, “ħlief dawk li kien hemm fil-Bye-Law sentejn ilu mill-Kunsill preċedenti, li diġà għamilt referenza għaliha. Il-proposta għall-ħlas saret dakinhar,” reġa’ insista s-Sindku.
Jikkonferma problema kbira ta’ parkeġġ…
“Meta joqrob il-lejl dan ikun mimli“
“Jekk tistaqsini kemm jipparkjaw karozzi kuljum nistqarr li m’inix kuntent bl-informazzjoni li qiegħda tinġabar għas-sempliċi raguni li min ikun fil-post suppost jikteb in-number plates ta’ min jidħol u joħroġ mill-parkeġġ imma ma nqisx din l-informazzjoni bħala waħda reliable biżżejjed. Li huwa żgur hu li meta joqrob il-lejl dan ikun mimli minn kmieni. Matul il-ġurnata, normalment, ikun hemm spazju”.
Hawn staqsejna għala, ladarba hemm id-domanda għal aktar spazji ta’ parkeġġ, ma jintużax il-parkeġġ l-ieħor tal-iskola li jintuża mill-edukaturi fil-ġranet u l-ħin tal-iskola biss. Fir-rigward Galea rribatta li dan it-“tieni” parkeġġ qatt ma kien hemm ftehim dwaru biex jiġi amministrat mill-Kunsill Lokali. Is-Sindku hawn qal li, “ir-residenti bir-raġun jilmentaw li l-parkeġġ ta’ fuq tal-iskola mhuwiex użat kemm wieħed jista’ jużah. Però, dan il-parkeġġ mhuwiex f’idejn il-Kunsill Lokali u minkejja li l-possibiltà li jiġi b’xi mod użat għall-parkegg tal-pubbliku, ġiet diskussa iktar minn darba mal-awtoritajiet tal-edukazzjoni, s’issa, il-pożizzjoni hija ċara ħafna – ma hemm ebda ċans li din il-parti tal-parkeġġ tintelaq minn idejn l-awtoritajiet tal-edukazzjoni u tgħaddi f’idejn xi ħadd biex tintuża mill-pubbliku”.
Dwar ilmenti minn residenti għax ma jintużax dan parkeġġ allokat għall-edukaturi, is-Sindku stqarr li mhuwiex kuntent b’din is-sitwazzjoni fejn żied “li huwa żgur huwa li ntefqu miljuni mhux żgħar biex inbena l-parkeġġ u l-iskola u għalhekk jagħmel iktar sens li l-faċilitajiet jiġu wżati bl-aħjar mod possibbli”. Insista li l-mod kif jintuża dan l-ispazju mhuwiex fil-kontroll tal-Kunsill iżda tal-Gvern Ċentrali.
“Fit-toroq ma fadalx fejn jiżdiedu l-parkeġġi
… anzi qegħdin jitnaqqsu”
Galea reġa’ rrepeta “li nista’ ngħid s’issa huwa li mhuwiex sostenibbli għall-Kunsill li jibqa’ jonfoq mitt elf fis-sena mill-fondi skarsi tiegħu. B’mitt elf jistgħu jsiru numru ta’ affarijiet bżonnjużi għal-lokalità. Għal dak li jikkonċerna l-parkeġġ fil-lokalità, huwa evidenti li għandna problemi kbar u huwa għalhekk li n-nies jiffrustraw ruħhom meta jitkellmu dwar il-parkeġġ. Fit-toroq ma fadalx fejn jiżdiedu l-parkeġġi anzi, qegħdin jitnaqqsu ma’ kull blokka appartamenti li jinbnew. Minkejja l-ħlasijiet li jsiru minn min jiżviluppa biex jinbena parkeġġ, huma meħtieġa miljuni kbar li żgur il-Kunsill m’għandux”. Hawn is-Sindku preżenti attakka l-awtoritajiet, l-istess awtoritajiet li taw dan il-parkeġġ bla ħlas għall-pubbliku u ma approvax il-Bye-Law fejn jissemma’ ħlas. Minflok dwar il-indirizzar tal-problema tal-parkeġġi qal li “m’hemmx volontà mill-awtoritajiet biex jindirizzaw il-problema”.
“Ir-residenti jilmentaw ukoll minħabba l-fatt li l-uffiċjali tal-LESA donnhom ikunu qegħdin jistadu biex joħorġu l-multi minħabba xi parking li forsi jkun qiegħed jaqbeż xi yellow line imqar bi ftit pulzieri. Is-sitwazzjoni mhiex sostenibbli iktar u iktar meta l-popolazzjoni qiegħda tiżdied b’rata qawwija ħafna u kollox jindika li din il-problema ta’ parkeġġ se taggrava ruħha. Dan il-fatt jista’ jiġi wkoll identifikat malajr meta wieħed iqis il-prezzijiet li bihom qegħdin jinbigħu l-ftit garaxxijiet li jistgħu jitpoġġew fis-suq, liema prezzjijiet huma ferm iktar minn dak li huwa l-veru valur tagħhom,” temm is-Sindku tal-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar, Ċensu Galea.
“Hija l-fakultà tal-Kunsill isirx bil-ħlas jew le”
– L-eks Sindku Alfred Grima jemmen li l-ħlas impost fuq ir-residenti se jsir biex jagħmel tajjeb għan-nuqqasijiet finanzjarji tal-kunsill
L-eks Sindku tal-istess Kunsill, Alfred Grima saħaq li tul il-ħames snin tat-tmexxija tiegħu dejjem ġie żgurat, li kull deċiżjoni meħuda tittieħed b’rispett sħiħ lejn is-sostenibbiltà, fl-aħjar interess komuni u li b’dak li jkun ġie deċiż il-lokalità ma tispiċċax esposta għal xi danni kif ġara fil-passat.
Min-naħa tiegħu huwa enfasizza li, “il-ftehim milħuq mill-Kunsill immexxi minni dwar il-parkeġġ għal 200 vettura tal-Kulleġġ Maria Reġina, Qawra, jagħti kull fakultà li jkun il-Kunsill li jiddeċiedi huwa jekk jintroduċix jew le ħlas għall-parkeġġ li sal-lum, kien bla ħlas. Il-Bye-Law imfassla imma mhux ippubblikata, hija għodda oħra legali neċessarja li l-Kunsill serju preċedenti pprepara f’każ li għada, pitgħada, il-parkeġġ jeħtieġ jiġi bi ħlas”.
Ma ssirx is-sejħa pubblika għar-riklamar
… Dan kien jgħin fl-ispejjeż tal-parkeġġ
Alfred Grima kompla li, “aktar minnhekk, fil-kuntratt iddaħħlet klawsola li tagħti dritt lill-Kunsill iwaħħal riklamar kummerċjali fil-parkeġġ li jgħin tiġi sostnuta parti mill-ispiża għal manteniment. Ħaġa tal-iskantament, lanqas din is-sejħa pubblika ma nħarġet mill-Kunsill preżenti”.
Grima speċifika kif mir-Rapport Finanzjarju tal-Kunsill stess għal aħħar sitt xhur tas-sena 2024 jirriżulta li d-dħul finanzjarju tal-kunsill mill-permessi, Bye-Laws, riklami eċċ, naqas sostanzjarjament fl-istess waqt li żdidet in-nefqa finanzjarja bir-riżultat li l-miri finanzjarji tal-Kunsill ma ntlaħqux għal-ewwel darba f’sitt snin sħaħ.
“Dan jikkuntrasta bil-kbir dak li seħħ tul ħames snin taħt it-tmexxija tiegħi. Fejn il-Kunsill kien kapaċi jżid id-dħul finanzjarju tiegħu kull sena b’eluf kbar ta’ Ewro u fl-istess ħin żamm taħt kontroll assolut l-infiq tiegħu tul leġislatura sħiħa. Dan iġiegħlni nemmen li l-ħlasijiet li t-tmexxija preżenti tal-kunsill trid timponi fuq ir-residenti hija maħsuba biex tagħmel tajjeb għan-nuqqasijiet finanzjarji li sofra l-kunsill fl-ewwel sitt xhur ta’ din l-amministrazzjoni ġdida,” saħaq l-eks Sindku tal-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar, Alfred Grima.
“Mossa politika u xejn aktar… Jista’ jemenda jew jirrevoka”
– l-eks Viċi Sindku Carlos Zarb jikkonferma dak li qal is-Sindku tal-amministrazzjoni preċedenti
Carlos Zarb, li kien il-Viċi Sindku tal-Kunsill ta’ San Pawl il-Baħar fi żmien it-tmexxija ta’ Alfred Grima kkonferma li fi żmienhom, b’mod unanimu, il-Kunsill kien qabel li jinbeda process biex issir Bye-Law li titratta l- amministrazzjoni tal-parkeġġ pubbliku fil-Kullegg Maria Regina, Qawra.
Zarb qal lil dan il-ġurnal li din il Bye-Law ma kinitx biss tirrelata ma’ ħlas imma anke kif għandha titmexxa sistematikament. Min-naħa tiegħu l-eks Viċi Sindku żgħażugħ saħaq “li jiġi s-Sindku preżenti jwaħħal fil-Kunsill precedenti għax se ssir bil-flus hija mossa politika u xejn aktar hekk kif xejn ma jwaqqaf lill-Kunsill preżenti milli jemenda jew saħansitra jirrevoka Bye-Law li tkun għadha ma ġietx implimentata kif huwa dan il-każ. Ikun aktar għaqli li jekk is-Sindku jħoss li dak li sar qabel kien ħażin jew li m’għadux japplika, jagħmel użu mir-remedji li għandu aċċess għalihom flok joqgħod juża d-diska tas-soltu u jara f’min se jwaħħal”.