Friday, September 5, 2025

Il-Parlament Ewropew għandu jagħti l-ogħla prijorità lill-paċi

- stħarriġ tal-Ewrobarometru

Aqra wkoll

Il-Maltin iħossu li l-paċi għandha tingħata l-ogħla prijorità mill-Parlament Ewropew. Fl-istess waqt li 95% tal-Maltin jemmnu li l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea għandhom ikunu aktar magħqudin biex jiffaċċjaw l-isfidi globali attwali. 

Dan joħroġ mill-aħħar stħarriġ tal-Ewrobarometru tal-Parlament Ewropew li sab li 77% tal-Maltin jemmnu li fil-futur, ir-rwol tal-Unjoni Ewropea biex tipproteġi liċ-ċittadini Ewropej kontra kriżijiet globali u riskji għas-sigurtà għandu jsir aktar importanti. 

F’pajjiżna, l-istħarriġ sar f’Mejju li għadda u b’kollox kienu intervistati 501 persuni li għandhom 15-il sena jew aktar. Mistoqsija dwar liema valuri għandu jiddefendi l-Parlament Ewropew bħala kwistjoni ta’ prijorità, il-Maltin wieġbu l-aktar il-paċi (43%) segwita mir-regola tal-liġi (30%) u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-UE u madwar id-dinja (29%).

Dawk li ħadu sehem f’dan l-istħarriġ kienu mistoqsija fuq liema aspetti għandha tiffoka l-UE sabiex issaħħaħ il-pożizzjoni tagħha fid-dinja. Tnejn u tletin fil-mija (32%) tal-Maltin wieġbu li l-UE jeħtiġilha tiffoka fuq id-difiża u s-sigurtà filwaqt li jqisu importanti wkoll iż-żamma tal-valuri Ewropej, id-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem (32%), l-edukazzjoni u r-riċerka (30%) u t-teknoloġija, inkluż l-AI (25%).

Il-Maltin wieġbu wkoll li l-Parlament Ewropew għandu jagħti prijorità l-ewwel nett lil kwistjonijiet bħalma huma l-inflazzjoni, il-prezzijiet li qed jogħlew u l-għoli tal-ħajja (38%), aktar appoġġ għas-saħħa pubblika (29%) u d-demokrazija r-regola tal-liġi (28%). 

Biex ninvestu aħjar f’dak li jgħodd l-aktar, kważi tmienja minn kull għaxar Ewropej jemmnu li għandha tkun l-UE kollha kemm hi li tiffinanzja aktar proġetti (78%), u mhux l-Istati Membri individwali. 92% tal-Maltin huma tal-istess ħsieb. 

It-trasparenza hija kruċjali 

Skont 91% taċ-ċittadini, il-Parlament Ewropew għandu bżonn l-informazzjoni u l-mezzi kollha meħtieġa biex jikkontrolla sew l-infiq tal-UE. Barra minn hekk, 85% tal-Ewropej, b’maġġoranza fl-Istati Membri kollha (92% f’Malta), jaqblu li l-UE għandha tipprovdi l-fondi lill-Istati Membri bil-kundizzjoni li dawn jirrispettaw l-istat tad-dritt u l-prinċipji demokratiċi. 

Sadanittant, 86% tal-Maltin qalu li l-azzjonijiet tal-Unjoni Ewropea għandhom impatt fuq il-ħajja tagħhom ta’ kuljum. F’Malta, 93% jemmnu li l-pajjiż ibbenefika minn sħubija fl-UE. Fost oħrajn dan jiġi attribwit l-aktar għall-kontribut tal-UE lejn it-tkabbir ekonomiku ta’ Malta (52%) u ż-żieda fl-opportunitajiet ta’ xogħol.

Sfond

L-istħarriġ tal-Ewrobarometru għar-Rebbiegħa 2025 tal-Parlament Ewropew twettaq mill-aġenzija tar-riċerka Verian bejn il-5 u d-29 ta’ Mejju 2025 fis-27 Stat Membru tal-UE. L-istħarriġ sar wiċċ imb wiċċ. Barra minn hekk, xi Stati Membri (id-Danimarka, Malta, in-Netherlands, il-Finlandja u l-Iżvezja) għamlu intervisti bil-video (CAVI). B’kollox saru 26,410 intervisti. Ir-riżultati għall-UE ngħataw piż skont id-daqs tal-popolazzjoni f’kull pajjiż. 

Artiklu preċedenti

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport