Thursday, March 26, 2026

Il-Parlament Ewropew isejjaħ għat-tisħiħ tar-relazzjonijiet mal-Kanada

Aqra wkoll

Il-Parlament Ewropew sejjaħ għat-tisħiħ tar-relazzjonijiet bejn l-Unjoni Ewropea u l-Kanada, b’enfasi fuq il-kooperazzjoni fil-qasam tas-sigurtà, it-tisħiħ tal-kummerċ u l-koordinazzjoni fuq livell multilaterali.

B’riżoluzzjoni approvata b’maġġoranza qawwija, l-MEPs appellaw għall-implimentazzjoni sħiħa tas-sħubija bejn iż-żewġ naħat fil-qasam tas-sigurtà u d-difiża fid-dawl tat-theddid globali u t-tensjonijiet ġeopolitiċi f’inħawi differenti tad-dinja. Numru ta’ Membri Parlamentari Ewropej tkellmu dwar l-ambizzjoni Ewropea wkoll li jissaħħu alleanzi ma’ msieħba b’viżjoni simili fir-rigward tal-ordni internazzjonali u r-rispett tal-istituzzjonijiet. Dan b’referenza ċara għall-pożizzjonijiet unilaterali li qed jittieħdu mill-Gvern Amerikan ta’ Donald Trump. 

Il-Parlament Ewropew appella wkoll għat-tisħiħ fil-kummerċ bejn iż-żewġ naħat, b’mod partikolari bir-ratifikazzjoni sħiħa tal-Ftehim Ekonomiku u Kummerċjali, magħruf bħala CETA. F’dan is-sens, l-MEPs apellaw lill-Istati Membri li għad fadal biex japprovaw dan il-ftehim qabel l-għaxar anniversarju tiegħu fl-2027, bl-għan li jissaħħu dawn ir-rabtiet ekonomiċi. Malta kienet fost l-ewwel pajjiżi li approvat dan il-ftehim.

Is-CETA eliminat it-tariffi fuq 98% tal-prodotti li jinbiegħu bejn l-UE u l-Kanada. Dan wassal għal żieda ta’ 77% fil-kummerċ bejn l-2016 u l-2025. Sal-2024, il-kummerċ bilaterali bejn iż-żewġ naħat kien ta’ aktar minn 63 biljun ewro.

It-tisħiħ tar-relazzjonijiet bejn l-Unjoni Ewropea u l-Kanada jista’ jkun ta’ rilevanza u eventwalment, importanza, anke għal Malta. Filwaqt li t-transazzjonijiet kummerċjali bejn iż-żewġ naħat huma relattivament limitati, bl-esportazzjoni lejn il-Kanad ta’ madwar 30 miljun ewro fl-2024, fl-aħħar snin ġiet reġistrata żieda fil-kummerċ bejn iż-żewġ pajjiżi fejn jidħlu setturi ta’ niċċa. 

Skont tradingeconomics.com, sit ta’ analiżi ekonomika, l-esportazzjonijiet lejn il-Kanada huma fil-parti l-kbira prodotti farmaċewtiċi, segwiti minn tagħmir mediku u tekniku, kif ukoll prodotti marbuta mas-settur tal-ajruplani.

Dan barra r-rabtitet kulturali u soċjali bejn iż-żewġ pajjiżi frott l-eluf ta’ Maltin li emigraw lejn dan il-pajjiż, kemm wara l-Ewwel Gwerra Dinjija u ferm aktar wara t-Tieni Gwerra. Skont iċ-ċensiment Kanadiż tal-2021, hemm aktar minn 40,000 persuna ta’ oriġini Maltija tgħix fil-Kanada, bl-akbar ammont ikun f’Toronto.

B’reazzjoni għal din ir-riżoluzzjoni, l-MEP Ġermaniż tal-Grupp tas-Soċjalisti Tobias Cremer, iddeskrieva lill-Kanada bħala “aktarx l-aktar pajjiż Ewropew barra l-Ewropa”, u insista li l-isfidi komuni, fosthom il-qagħda fl-Ukrajna u l-bidla tal-klima, jeħtieġu kooperazzjoni aktar profonda. Żied jgħid li f’dinja ddominata mill-għatx għall-gwerra tar-Russja, mill-assertività taċ-Ċina u mit-tmexxija erratika tal-Istati Uniti, l-Ewropej u l-Kanadiżi għandhom jaħdmu strateġikament flimkien biex jilħqu l-miri tagħhom fl-Artiku, fl-Ukrajna u fir-rigward tal-bidla tal-klima.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport