– Appell għal governanza tajba b’kontrolli u obbligu ta’ rendikont
– Għandu jkun evalwat l-impatt tal-investiment barrani u s-sjieda multipla fuq l-integrità finanzjarja tal-isport Ewropew
– Għandha tissaħħaħ ir-rabta bejn l-isport professjonali u dak fil-livell tad-dilettanti għal allokazzjoni aktar ġusta tar-riżorsi
Il-Membri tal-PE jridu li l-atleti u l-partitarji jkollhom vuċi fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-federazzjonijiet sportivi, u huma kontra li jintlagħbu logħbiet kompetittivi barra mill-pajjiż.
Waqt is-sessjoni plenarja fi Strasburgu, il-Parlament Ewropew adotta l-pożizzjoni tiegħu bħala kontribut għall-istrateġija l-ġdida fit-tul tal-Kummissjoni għall-politika Ewropea dwar l-isport u l-attività fiżika. Ir-rapport għadda b’552 vot favur, 52 kontra u 35 astensjoni. Fih il-Parlament jappella lill-organizzazzjonijiet sportivi internazzjonali u nazzjonali kollha biex itejbu l-governanza u t-trasparenza tagħhom, u jiżguraw l-obbligu ta’ rendikont.
Il-Membri tal-PE jridu li l-federazzjonijiet, il-klabbs u l-kampjonati internazzjonali u nazzjonali jinvolvu lill-partitarji, l-atleti u l-persuni b’diżabilità fid-deċiżjonijiet tagħhom. Iridu wkoll li jindirizzaw “ir-rappreżentanza baxxa persistenti tan-nisa f’pożizzjonijiet ta’ tmexxija”.
Theddid għall-mudell Ewropew
Minbarra l-isfidi attwali, bħal “problemi ta’ governanza, korruzzjoni, tbagħbis tal-logħob, doping, piraterija online u diskriminazzjoni”, u “kummerċjalizzazzjoni eċċessiva”, il-Membri tal-PE jridu li l-Kummissjoni tissorvelja theddid ġdid għas-settur sportiv fl-Ewropa.
B’mod partikolari, iridu li l-Kummissjoni tevalwa l-impatt taż-żieda fl-investiment barrani u s-sjieda multipla ta’ klabbs fuq l-integrità finanzjarja u l-bilanċ kompetittiv tal-isport Ewropew. Iridu wkoll li l-klabbs u l-federazzjonijiet sportivi jevitaw li jorganizzaw logħbiet kompetittivi domestiċi li jintlagħbu barra mill-pajjiż u jiddikjaraw li l-klabbs għandhom ikunu obbligati li jirrilaxxaw l-atleti tagħhom biex jipparteċipaw mat-timijiet nazzjonali.
Il-Membri tal-PE jitolbu wkoll lill-Kummissjoni biex tipprovdi linji gwida ċari dwar kif il-liġi tal-UE tapplika għas-settur sportiv, meta wieħed jikkunsidra d-deċiżjonijiet reċenti tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja dwar id-drittijiet tal-atleti u l-liġi tal-kompetizzjoni.
Ħarsien tad-drittijiet tal-atleti u l-bżonn ta’ solidarjetà finanzjarja
Biex l-atleti jkunu megħjuna jegħlbu sfidi bħal protezzjoni soċjali insuffiċjenti, intensità dejjem tikber tal-isports u tal-kalendarji sportivi, kif ukoll biex ikunu jistħu jikkombinaw aħjar l-edukazzjoni jew l-impjieg mal-karrieri tagħhom, il-Membri tal-PE enfasizzaw il-ħtieġa li d-drittijiet tal-atleti fl-isports kollha jkun mħarsa aħjar, speċjalment fejn jidħlu atleti minorenni.,
Hekk kif id-distakk bejn l-elite finanzjarju fl-isport professjonali u l-livell tal-grassroots qiegħed jikber, l-MEPs jitolbu lill-Kummissjoni biex tieħu stampa tal-mekkaniżmi eżistenti ta’ solidarjetà finanzjarja u skemi ta’ ridistribuzzjoni u biex tesplora l-ħolqien ta’ mekkaniżmi ta’ ridistribuzzjoni bejn kampjonati, klabbs jew kompetizzjonijiet kbar u żgħar, u f’dixxiplini differenti.
Fl-aħħar nett, l-MEPs jitolbu lill-Kummissjoni “biex tiżviluppa skemi ta’ finanzjament aċċessibbli u sostanzjali għall-klabbs u organizzazzjonijiet sportivi, b’mekkaniżmi ċari u aċċessibbli, li jiżguraw li l-fondi allokati jilħqu l-livell tal-qiegħ”. Filwaqt li jirrikonoxxi l-impatt tal-Erasmus+ fl-appoġġ għall-għaqdiet sportivi lokali u ċ-ċittadini, il-Parlament jitlob żieda sinifikanti fil-finanzjament għall-isport u l-attività fiżika taħt dan il-programm.
Kwotazzjoni
“Dawn l-isfidi jaffettwaw ħafna dixxiplini sportivi, u l-iskala u l-kumplessità tagħhom qed jikbru, u b’hekk qed jittestjaw ir-reżiljenza tal-’Mudell Sportiv Ewropew’. Dan ir-rapport iservi bħala sejħa għall-azzjoni. Iż-żmien meta qed jiġi adottat huwa kritiku, hekk kif il-Kummissjoni Ewropea qed tipprepara biex tippreżenta l-istrateġija fit-tul tagħha għal politika sportiva Ewropea s-sena d-dieħla. Il-promozzjoni u l-appoġġ lejn l-isport fil-livelli kollha huma essenzjali – mhux biss għas-suċċess tal-kompetizzjonijiet professjonali iżda wkoll għat-trawwim ta’ soċjetà aktar b’saħħitha u aktar attiva,” qal ir-rapporteur, Bogdan Andrzej Zdrojewski.
Sfond
Fit-18 ta’ Marzu 2025, il-Parlament Ewropew kellu konsultazzjoni mal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni, federazzjonijiet, timijiet, u għaqdiet sportivi u organizzazzjonijiet oħra. Il-konsultazzjoni ġabret informazzjoni utli biex tgħin fit-tfassil tal-Mudell Sportiv Ewropew. Is-settur sportiv jikkontribwixxi 2.12% tal-PGD tal-UE u jipprovdi impjiegi lil kważi sitt miljun ruħ, iżda fl-istess waqt qed jiffaċċja sfidi dejjem akbar li jittestjaw ir-reżiljenza tal-Mudell Sportiv Ewropew.
Aktar informazzjoni:
– Ir-rapport adottat fil-plenarja
– Video recording tad-dibattitu (6.10.2025)
– Profil tar-rapporteur Bogdan Andrzej Zdrojewski (EPP, PL)
– Il-karatteristiċi ewlenin tal-Mudell Sportiv Ewropew
– EPRS study: EU education, youth and sport policy (Settembru 2024)
– Il-Kumitat tal-PE għall-Kultura u l-Edukazzjoni
– Factsheets of the European Union: Sport
– Il-paġna tal-Kummissjoni Ewropea: fondi tal-UE għall-isport