Wednesday, November 27, 2024

Il-Parlament Ewropew japprova self sa €35 biljun lill-Ukrajna appoġġat minn assi Russi

Aqra wkoll

Il-Membri Parlametari Ewropew ivvotaw favur self straordinarju ta’ massimu ta’ €35 biljun lill-Ukrajna, li għandu jitħallas lura permezz tad-dħul futur mill-assi Russi ffriżati.

B’518-il vot favur, 56 kontra u 61 astensjoni, il-Parlament approva l-assistenza makrofinanzjarja (AMF) il-ġdida biex tgħin lill-Ukrajna kontra l-gwerra brutali ta’ aggressjoni tar-Russja. Dan is-self huwa l-parti tal-UE minn pakkett tal-G7 miftiehem f’Ġunju li għadda, biex jipprovdi sa $50 biljun f’appoġġ finanzjarju lill-Ukrajna. L-ammont finali li l-Unjoni Ewropea se tikkontribwixxi jista’ jkun aktar baxx, skont id-daqs tas-self ipprovdut minn sħab oħra tal-G7.

Il-Mekkaniżmu ta’ Kooperazzjoni ta’ Self tal-Ukrajna, qafas li għadu kif ġie stabbilit, se jagħmel id-dħul futur mill-assi ffriżati tal-Bank Ċentrali Russu li jinsabu fl-UE disponibbli għall-Ukrajna. Dawn il-fondi se jgħinu lill-Ukrajna tħallas lura s-self tal-AMF tal-UE kif ukoll is-self minn sħab oħra tal-G7. Filwaqt li l-fondi tal-mekkaniżmu jistgħu jintużaw biex jitħallas lura s-self, Kiev jista’ jalloka l-fondi tal-AMF kif jidhirlulu xieraq.

Il-fondi l-ġodda tal-AMF se jiġu żborżati sa tmiem l-2025. Is-self jiddependi fuq l-impenn kontinwu tal-Ukrajna li żżomm mekkaniżmi demokratiċi effettivi, tirrispetta d-drittijiet tal-bniedem, u aktar kundizzjonijiet ta’ politika li għandhom jiġu stabbiliti f’memorandum ta’ qbil. Barra minn hekk, is-sistemi ta’ ġestjoni u kontroll deskritti fil-Pjan għall-Ukrajna, flimkien ma’ miżuri speċifiċi għall-prevenzjoni tal-frodi u irregolaritajiet oħra, se japplikaw għas-self tal-AMF.

Sport