Wednesday, January 28, 2026

Il-Parlament ifakkar il-vittmi tal-Olokawst

Aqra wkoll

Il-Parlament ilbieraħ ingħaqad mal-komunità internazzjonali biex ifakkar il-vitt­mi tal-Olokawst. F’din it-tifkira tkellmu l-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali Owen Bonnici, id-Deputat Nazzjonalista Beppe Fenech Adami u l-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati Anġlu Farrugia. 

Il-Ministru Bonnici stqarr li f’dan il-Jum Internazzjonali tat-Tifkira tal-Olokawst, qed niltaqgħu mhux biss biex infakkru imma biex nerġgħu nsaħħu s-sens ta’ responsabbiltà kollettiva. Huwa qal li l-Olokawst ma kienx avveniment ta’ vjolenza li faqqa’ f’daqqa. 

“Kien proċess, pass wara l-ieħor, kelma wara kelma li bilmod il-mod iddegrada lill-bniedem. Għamel mill-ġar, għadu u ppreżenta poplu sħiħ bħala problema li trid tissolva,” qal il-Ministru Bonnici. “Il-qerda ma bdietx bil-kmamar tal-gass li jien żort b’għajnejja. Bdiet b’lingwaġġ li jnaqqas id-dinjità b’għajdut li jinstema’ plawsibbli, b’konspirazzjonijiet li jitfgħu l-ħtija fuq grupp ta’ nies innoċenti.”

Għalhekk, huwa qal li meta nħarsu lura lejn dik it-traġedja li ħalliet fost oħrajn sitt miljun Lhudi maqtula, irridu nistaqsu: kif soċjetajiet li jqisu ruħhom avvanzati jaslu biex jorganizzaw qerda b’mekkaniżmu statali u politiku?”

Huwa kompla jgħid: “ejja ma nħarsux lejn l-istorja bħala xi ħaġa tal-passat li ma tistax terġa’ tmissna, imma biex nifhmu li l-bniedem kapaċi jirrepeti l-istess żbalji jekk iwarrab il-prinċipji li jżommuh uman u l-istituzzjonijiet imsejsa biex jipproteġuhom.” 

“Il-mibegħda ma tiġix mix-xejn. Tiġi ma’ sterjotipi antiki li jsibu d-dawl tax-xemx meta jkun hemm il-biża’, pressjoni jew frustrazzjoni. Minn hawn nifhmu li t-tikira tal-Olokawst mhijiex biss dwar il-passat imma hi lezzjoni dwar il-preżent, dwar kif inżommu s-soċjetà tagħna soda kontra d-deumanizzazzjoni, kontra l-estremizmu u kontra l-idea li xi ħadd jistħoqqlu inqas drittijiet minħabba ġensu,” tenna jgħid il-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali.

Min-naħa tiegħu, id-Deputat Nazzjonalista Beppe Fenech Adami qal li f’dan il-jum qed jitfakkar wieħed mill-aktar kapitli mudlama fl-istorja tal-umanità – l-Olokawst.

Huwa stqarr li rridu nimpenjaw ruħna mhux illum biss imma kuljum biex nirreżistu l-mibegħda, niddefendu d-dinjità umana mingħajr eċċezzjoni, nikkonfrontaw l-antisemitiżmu kull fejn jidher u niżguraw li l-kliem “Qatt aktar” ma jkunx biss kliem fieragħ. “It-tifkira tal-lum mhix biss tifkira dwar il-passat imma hi tfakkira dwar il-futur li nagħżlu li nibnu,” qal Fenech Adami.

L-Ispeaker Anġlu Farrugia saħaq li meta ngħidu “Qatt iżjed”, irridu nfissru li ma jkunx hawn dawk it-tip t’atroċitajiet bħalma kien hemm dak iż-żmien. Qal li dan iżda ma jfissirx li m’għandniex inħarsu lura iżda rridu nagħtu sinjali ċari, nitkellmu u nagħżlu issa fir-rigward tal-umanità “qabel ikun tard wisq.”

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport