Wednesday, July 23, 2025

Il-Parlament japprova emendi għall-Att dwar iċ-Ċittadinanza

• Jissaħħaħ il-kunċett taċ-ċittadinanza bil-mertu, b’enfasi fuq servizz u kontribut eċċezzjonali, flimkien ma’ valur miżjud u ħolqien tax-xogħol 

Aqra wkoll

Il-Parlament approva emendi għall-Att dwar iċ-Ċittadinanza Maltija mressqa mill-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol, Byron Camilleri, liema emendi jsaħħu l-pożizzjoni tal-Gvern Malti li jirrikonoxxi b’ċittadinanza lil min jagħti servizz jew kontribut eċċezzjonali lil pajjiżna.

Fil-Parlament, il-Ministru Byron Camilleri spjega li filwaqt li pajjiżna jibqa’ jżomm is-sovranità li jagħti ċ-ċittadinanza, il-bidliet immirati biex Malta tkun konformi mas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tad-29 ta’ April li għadda. Fl-istess ħin dawn l-emendi jagħtu s-saħħa lil pajjiżna biex jibqa’ jiġbed it-talent ta’ min jista’ jagħtih valur miżjud b’servizz jew kontribut eċċezzjonali. 

“Qed niġu għal darb’oħra f’dan il-Parlament, biex sfida ndawruha f’opportunità. Opportunità għal pajjiżna, li rriduh jibqa’ miexi b’saħħtu ’l quddiem b’emfasi dejjem ikbar fuq il-kwalità u fuq il-valur miżjud.  F’kull settur, dak hu l-għan li għandu l-Gvern illum. Jekk hux is-settur tax-xogħol, jekk hux dak tal-ekonomija, jekk hux iċ-ċittadinanza. Malta llum tista’ tagħmel l-għażla konxja li tħares lejn il-livell li jmiss,” qal il-Ministru Byron Camilleri.

Il-Ministru esprima wkoll is-sodisfazzjon li l-ebda membru tal-Kamra ma talab division dwar dawn l-emendi, bil-liġi tkun approvata nem con. 

Bil-bidliet li saru ntlaħqu tliet għanijiet ewlenin:

•Pajjiżna ser jiġi konformi mal-istess sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (C-181/23), billi neħħa mil-liġijiet tiegħu dawk l-aspetti li ma kinux konformi. Dan filwaqt li twaqqaf u tneħħiet kull referenza lejn il-programm ta’ Għoti ta’ Ċittadinanza għal Servizzi Eċċezzjonali, it-transazzjoni u anke l-aġenti tal-programm.

•L-emendi jsaħħu l-liġijiet preżenti marbuta ma’ ċittadinanza bil-mertu. L-emendi qed isiru wkoll b’konsistenza mal-Viżjoni Malta 2050, bl-emfasi hi wkoll fuq il-bżonn ta’ valur miżjud u l-ħolqien tax-xogħol.

•Iżommu sod mal-prinċipju li l-għoti taċ-ċittadinanza hija kompetenza nazzjonali, liema prinċipju l-Gvern Malti argumenta dejjem favurih u kien anke kkonfermat fis-sentenza C-181/23 tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tad-29 ta’ April 2025.

Fil-Parlament il-Ministru Camilleri kompla jispjega aspetti ewlenin tal-bidliet li saru, fosthom li m’hemm ebda prezz determinat minn qabel għaċ-ċittadinanza Maltija, għaliex biex wieħed japplika taħt il-mertu jrid iressaq proposta dettaljata f’konformità ma’ dak li qed tistabbilixxi l-liġi.

Fil-Parlament, il-Ministru poġġa fuq il-Mejda tal-Kamra l-leġiżlazzjoni sussidjarja li se tkun eventwalment ippubblikata b’emendi, u li fost oħrajn tirregola kif se jimxi l-proċess. Il-proċess isir billi l-ewwel issir it-talba mal-aġenzija Komunità, fejn tibda tikkunsidra t-talba fl-istess ħin li ttellaq proċess ta’ due diligence (li jsir ukoll bl-għajnuna esperta).

Wara jkun hemm il-bord ta’ evalwazzjoni, li diġà jopera, li jikkunsidra din it-talba u jagħti rakkomandazzjoni lill-Ministru, li finalment jagħti d-deċiżjoni finali kif dejjem kienet il-liġi fi kwistjonijiet ta’ naturalizzazzjoni. F’dan kollu jibqa’ jsir proċess ta’ due diligence b’saħħtu, fl-istess waqt li kompla jissaħħaħ l-irwol tar-regolatur.

Intant, fil-Parlament kienu diskussi żewġ emendi oħra għall-Att dwar iċ-ċittadinanza li jagħmlu dan li ġej: 

•Fl-2007, kienet introdotta leġiżlazzjoni dwar il-kisba taċ-ċittadinanza permezz ta’ dixxendenza bil-għan li tiġi pprovduta lid-dijaspora Maltija l-possibbiltà li takkwista ċ-ċittadinanza Maltija sakemm l-antenat li kien telaq minn Malta, kien hu u wieħed mill-ġenituri twieldu Malta ukoll. Il-leġiżlazzjoni kienet tikkunsidra li sabiex dixxendenti ikun jista’ japplika, l-antenati kienu saru Maltin. Dawk li mietu qabel l-1 ta’ Awwissu 2010, kienu jkunu meqjusa li kisbu ċ-ċittadinanza Maltija jew jekk mietu wara din id-data basta kienu għamlu applikazzjoni sabiex isiru Maltin. Id-data tal-1 ta’ Awwissu 2010 qed tiġi estiża għall-1 ta’ Awwissu 2028. Din hi talba li saret ukoll wara li ġew ikkunsidrati t-talbiet tal-Kumitati Maltin li jgħixu barra.

•Emenda oħra li qed issir hija marbuta mal-adozzjoni, fejn qed tkun iċċarata d-dispożizzjoni ta’ min jikseb iċ-ċittadinanza bl-adozzjoni. Kull min jiġi adottat mill-2020 ’il quddiem jikseb iċ-ċittadinanza jekk kien taħt it-tmintax-il sena u qed ikunu ċċarati t-timelines.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport