Il-Parlament approva l-liġi li tintroduċi sistema ta’ monitoraġġ elettroniku fil-pajjiż – riforma oħra importanti fil-pjan tal-Gvern biex ikompli jmexxi ‘l quddiem sistema ta’ ġustizzja aktar moderna, sigura u bbażata fuq il-bilanċ bejn is-sigurtà tal-komunità u l-proċess ta’ riabilitazzjoni.
Is-sistema tal-electronic monitoring se tkun bidla importanti fl-oqsma tal-ġustizzja u s-servizzi korrettivi f’Malta. Din ser tidħol b’mod gradwali fil-ġimgħat li ġejjin.
Riforma li se tbiddel l-affarijiet minn kif nafuhom sal-lum, b’għodda ġdida li għandha għanijiet ċari ħafna, li tagħti s-serħan il-moħħ lill-komunità u lill-vittmi filwaqt li tiffaċilita l-integrazzjoni lura fis-soċjetà ta’ persuni li jkunu wettqu xi reat.
Din il-bidla leġislattiva hija impenn elettorali ieħor li ngħata l-ħajja – b’miżura li mistennija ġġib bidla radikali fi proċessi preżenti li ser ikunu aktar siguri, kif jiġu amministrati ċerti sentenzi minuri, filwaqt li tkompli tissalvagwardja l-interessi tal-vittmi u tiffaċilita l-integrazzjoni tal-persuni lura fis-soċjetà, u anke assistenza lil vittmi ta’ vjolenza domestika.
Il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol Byron Camilleri, li ppreżenta din il-liġi fil-Parlament, spjega li, “Il-mod kif inħadmet din il-bidla dejjem poġġa l-vittma fiċ-ċentru. Bħala Ministru ħdimt biex ma nagħmlux minn persuna vittma darbtejn. Dan hu għaliex din ir-riforma kienet akkumpanjata minn passi oħra bħat-twaqqif tal-Aġenzija għall-Vittmi ta’ Kriminalità. Fl-istess waqt, qed inkomplu nsaħħu l-element ta’ riabilitazzjoni permezz ta’ għodod moderni li huma effettivi u ġusti.”
Il-liġi tal-electronic monitoring se tintroduċi sistema ċentrali b’apparat teknoloġiku li diġà għadda għall-istallazzjoni u ttestjar. Il-proċess jinsab f’fażi avvanzata – bil-ħidma fuq l-infrastruttura, taħriġ tal-persunal u ttestjar fuq l-apparat qed isiru.
Wħud mill-bidliet ewlenin li ser iġġib magħha din il-bidla huma:
• Din il-liġi ser tippermetti monitoraġġ elettroniku għal ċerti każijiet, bħala alternattiva għad-detenzjoni tradizzjonali f’sentenzi minuri ta’ anqas minn sena priġunerija.
• Assistenza lil vittmi ta’ vjolenza domestika.
• Tintroduċi tagging fi proċessi li diġà jsiru bħal persuni fuq parole u prison leave.
• Ser tgħin biex tnaqqas ir-riskju ta’ reċidiviżmu f’ambjent ikkontrollat.
• Ser issaħħaħ is-sens ta’ sigurtà fil-komunitajiet.
• Kif ukoll ser tgħin fit-triq tar-riabilitazzjoni ta’ min ikun wettaq reat, b’kontroll aktar flessibbli u adattat għaċ-ċirkostanzi.
Il-Ministru Byron Camilleri żied jgħid li filwaqt li din hija sistema li tista’ tagħti riżultati aħjar lil pajjiżna, dan ma jfissirx li nistgħu nistrieħu u li ma jistax ikun hemm abbuż. Għaldaqstant hemm impenn biex anke wara li tibda titħaddem din is-sistema, jibqgħu jittieħdu deċiżjonijiet li jkomplu jtejbu s-sistema Maltija sabiex ir-riżultat ta’ fl-aħħar snin fejn naqset ir-rata ta’ kriminalità u baqgħet waħda stabbli, ikompli jkun sostnuti.