Saturday, November 2, 2024

Il-Parlament jaqbel li l-kunsilli jkunu jistgħu jiltaqgħu barra l-binja

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-Gvern u l-Oppożizzjoni jaqblu fil-prinċipju li għal raġunijiet straordinarji l-kunsilli lokali jkunu jistgħu jiltaqgħu barra mill-binja uffiċjali tagħhom.

Kien il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Josè Herrera li ressaq din l-emenda għal-liġi li tirregola l-Gvern Lokali bil-kelliem ewlieni tal-Oppożizzjoni dwar dan il-qasam Karl Gouder jgħid li jaqblu magħha.

Herrera qal li huwa ġie avviċinat minn diversi sindki li spjegawlu kemm qed tkun diffiċli li jiltaqgħu bħalissa kemm għax ikun hemm kunsillieri li ma jkunux jifilħu u anke għax hemm oħrajn li jkunu vulnerabbli.

Huwa sostna li wara li ħa parir legali qed jipproponi li f’ċirkostanzi partikolari, bħal dan iż-żmien tal-Covid19, il-kunsilli jingħataw il-possibilità li jiltaqgħu x’imkien ieħor.

Herrera ġab l-eżempju ta’ bżonn ta’ iffumigar f’każ li jkun hemm xi persuna li tkun daħlet fil-kunsill u tkun irriżultat pożittiva għall-virus u kunsillier li jkollu mard kroniku u allura jkun hemm qbil li l-laqgħa ssir online.

Fl-istess waqt huwa nsista fil-prinċipju l-pubbliku għandu jkollu l-possibilità li jsegwi l-laqgħa u semma kif id-Dipartiment tal-Kunsill Lokali jrid jawtorizza t-talba tal-kunsilli biex il-laqgħa ssir barra l-binja tagħhom.

Emenda oħra li tkellem dwarha Herrera kienet dik li tikkonċerna l-‘pool’ minn fejn jintagħżlu s-segretarji eżekuttivi fejn semma kif bħalissa din hija ristretta.

Huwa spjega kif dawk li jridu jaħdmu bħala segretarji eżekuttivi japplikaw u jekk jintagħżlu u ma jkunx hemm lokalità fejn iservu jinżamm jistennew sakemm jinstab wieħed.

Sakemm dan isir ġieli jkun hemm ċirkostanzi fejn il-persuna ssib impjieg ieħor u għalhekk ikun hemm problema meta kunsill ikollu bżonn.

Herrera semma li bl-emenda fil-liġi s-segretarji eżekuttivi se jkunu jistgħu jintagħżlu minn barra l-‘pool’ f’każ li tinħass il-ħtieġa.

Il-ministru responsabbli mill-kunsilli lokali nsista wkoll li jrid jindirizza l-anomalija li segretarju eżekuttiv ta’ kunsill kbir u b’eluf ta’ residenti jkollu l-istess paga ta’ dak f’kunsill żgħir li jkollu ftit mijiet ta’ abitanti.

Herrera saħaq ukoll li jrid jindirizza wkoll il-kwistjoni dwar jekk segretarju eżekuttiv hux uffiċjal pubbliku u sostna li huwa tal-fehma li iva.

Emenda oħra li ressaq kienet biex triq fiż-Żurrieq u oħra f’Ħal Safi jsiru distributorji jiġifieri l-manutenzjoni tagħhom tgħaddi f’idejn il-Gvern.

Waqt li semma kif kienu ż-żewġ kunsilli li talbu dan, Herrera semma kif għalkemm hemm min jikkritika lill-Gvern talli ċertu toroq li kienu jaqgħu taħt ir-responsabbilta tal-kunsilli għaddew f’idejh il-fondi lill-istess kunsilli ma naqsux.

Huwa irrimarka li dan ifisser li l-kunsilli lokali għandhom iktar flus biex jonfquhom kif iridu u fakkar kif mill-2013 sal-2021 l-allokazzjoni għalihom se tkun żdiedet bi €11.3 miljun jiġifieri żieda ta’ 36.5%.

Sport