In-naħa tal-Oppożizzjoni tiddeskrivi l-ftehim bħala maħmuġ, il-Gvern jgħid li m’hemm ebda xamma ta’ korruzzjoni
Il-Gvern iddefenda l-kuntratt tal-Electrogas billi nsista li ma tressqet ebda prova ta’ korruzzjoni minkejja li l-Oppożizzjoni nsistiet li l-ftehim huwa wieħed maħmuġ.
Il-Parlament iltaqa’ il-Ħamis biex jiddiskuti mozzjoni mressqa mill-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech li sejjaħ għal inkjesta pubblika dwar il-proġett tal-Electrogas.
L-ewwel kelliem fis-seduta kien id-deputat Nazzjonalista Karol Aquilina li irrimarka kif il-mozzjoni tagħhom kienet qed titlob dak li missu ilu li għamel il-Prim Ministru jiġifieri jsejjaħ inkjesta dwar l-iktar proġett korrott fl-Istorja u nsista li din kellha tkun imxandra ‘livestream’.
Huwa sostna li l-istituzzjonijiet ma ħadmux kif suppost dwar dan il-proġett u waqt li akkużahom li qed jaħdmu favur il-Gvern u qed jgħattulu akkuża lill-Gvern u lill-Prim Ministru li jibża’ mill-inkjesti.
Il-Ministru għall-Enerġija u l-Immaniġġjar tal-Ilma Michael Farrugia beda l-intervent tiegħu billi fakkar l-istat li kien fiha l-Enemalta fi żmien il-Gvern Nazzjonalista bi fjuwil li jħammeġ l-ambjent u jikkawża l-mard, korruzzjoni fix-xiri taż-żejt u kontijiet għolja.
Huwa semma kif il-Kummissjoni Ewropea għamlet 18-il xahar tiskrutinizza l-proġett u ma sabet xejn ħażin waqt li anke l-Awditur Ġenerali ikkonkluda li l-proċess kien trasparenti u li l-allegazzjonijiet ta’ kunflitt ta’ interess ma rriżultawx.
Id-deputat Nazzjonalista Ryan Callus sostna li l-ftehim tal-Electrogass huwa wieħed maħmuġ u akkuża lill-Gvern li rabat lill-pajjiż biex jixtri l-elettriku mingħand l-Electrogas anke jekk il-prezz mitlub minnhom huwa l-iktar għoli.
Huwa sostna li hemm diversi Laburisti urtati bil-ħmieġ li hemm f’dan il-proġett u sostna li kieku ma ġiex iffirmat dan il-ftehim u qed nixtru l-elettriku mill-interconnector il-poplu qed iħallas €91 miljun inqas u kull familja €324 inqas fis-sena f’elettriku.
Il-Whip tal-Gvern Glenn Bedingfield beda b’ton ironiku fejn sostna li għax-shows il-PN ma jirbaħlu ħadd u ikkritika l-proposta li l-inkjesta tixxandar ‘livestream’.
Id-deputat Laburista fakkar kif kien Gvern Laburista li mhux biss raħħas il-kontijiet tad-dawl u l-ilma imma elimina l-iktar fjuwil li jniġġeż, l-HFO, u fakkar li l-proġett kien approvat mill-Kummissjoni Ewropea u l-Awditur Ġenerali fejn ħadd m’għamel referenza għall-korruzzjoni.
Therese Comodini Cachia wkoll kellha kliem ta’ kritika għall-ftehim tal-Electrogas fejn semmiet biċċiet mill-kuntratt li għaliha huma suspettużi.
Hija nsistiet li l-Kummissjoni Ewropea għamlet analiżi ta’ dak biss li taha l-Gvern u nsistiet li l-inkjesta pubblika tista’ toħroġ aktar dettalji dwar il-ftehim.
Il-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol Owen Bonnici irrimarka li bħala persuna li trabbiet fin-naħa t’isfel ta’ Malta jiftakar kemm kienu jniġġsu l-power stations tal-Marsa u Dellimara.
Huwa wkoll fakkar kif il-power station li taħdem bil-gass mhux biss wasslet għal roħs fil-kontijiet imma anke għal kwalità tal-arja aħjar u li dwaru diġà saru rapport tal-Awditur Ġenerali.
Is-Segretarju Parlamentari Clayton Bartolo ippreżent mozzjoni f’isem il-Gvern li tinnota t-titjib ekonomiku u ambjentali li ġab miegħu l-proġett.
Huwa wkoll insista li kemm l-analiżi tal-Kummissjoni Ewropea kif ukoll ir-rapport tal-Awditur Ġenerali ma sab ebda ħjiel ta’ korruzzjoni f’dan il-proġett.
L-aħħar kelliem fis-seduta kien il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech li irrimarkma kif il-Gvern tefa l-ħmieġ mill-arja fl-operat tal-power station u nsista li l-ftehim kien wieħed maħmuġ.
Huwa akkuża lill-Gvern li għandu rasu fil-borma tal-ikel imma mhux ixomm il-ħmieġ tal-ftehim waqt li appella lill-Prim Ministru biex iħalli lid-deputati tiegħu jivvutaw kif iridu u sostna li jekk le kien qed iċaħħad lin-nies mill-verità u minn roħs fil-kontijiet.
Il-votazzjoni dwar il-mozzjoni mressqa mill-Oppożizzjoni u l-kontro-mozzjoni tal-Gvern se jsiru f’seduta oħra li d-data tagħha għad trid titħabbar.
Ebda tagħrif dwar Covid19 fil-Parlament
Qabel mal-Parlament iddiskuta l-mozzjoni dwar il-ftehim tal-Electrogass il-Whip tal-Oppożizzjoni Robert Cutajar staqsa lill-Ispeaker Anġlu Farrugia jekk għandux xi tagħrif dwar il-Covid19 fil-Parlament.
Huwa irrimarka li fuq il-mezzi soċjali dehru xniegħat li kien hemm xi uffiċjali tal-Gvern li kienu preżenti waqt il-preżentazzjoni tal-Budget 2021 u rriżultaw pożittivi għall-virus.
Il-Whip tal-Gvern Glenn Bedingfield sostna li huwa m’għandu ebda informazzjoni dwar dan u għamilha ċara li ebda deputat tal-Gvern ma kien pożittiv.
L-Ispeaker informa liż-żewġ naħat li huwa għandu kuntatt regolari mas-Supretendent tas-Saħħa Pubblika u ma ġie nfurmat b’ebda każ.