Wednesday, July 24, 2024

Il-Parlament jospita s-sessjoni finali tal-Young Parliamentarians 2024

Aqra wkoll

Għat-tieni sena konsekuttiva l-Parlament ospita l-fażi finali tal-attività Young Parliamentarians #ejjewniddibattu, programm immexxi mill-Aġenzija Żgħażagħ bl-għan li jagħti ċans liż-żgħażagħ jagħmlu esperjenza hands-on tas-sistema demokratika u leġiżlattiva ta’ pajjiżna. Fl-edizzjoni ta’ din is-sena kien hemm mal-175 żagħżugħ u żagħżugħa minn 20 skola li ngħataw taħriġ mill-Aġenzija Żgħażagħ sabiex ikunu ppreparati biex jitħaddtu u jiddiskutu fil-pubbliku, jippreżentaw l-ideat tagħhom, jiktbu r-rakkomandazzjonijiet, jiddibattu u jirribattu.

Is-sessjoni finali nżammet fis-Sala tal-Parlament u kienet immexxija mill-Ispeaker Anġlu Farrugia. F’diskors qasir l-Ispeaker irrimarka li programmi bħal Young Parliamentarians jgħinu sabiex iż-żgħażagħ ikollhom edukazzjoni aktar wiesgħa li ser isibu utli ’l quddiem f’ħajjithom, tkun xi tkun it-triq li huma jaqbdu. Huwa qal ukoll li bħala attività extra-kurrikulari, il-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ tirrikjedi impenn kbir mill-parteċipanti, iżda dan ser jgħinhom jakkwistaw il-ħiliet li se jkollkom bżonn għall-futur tagħhom.

Iż-żewġ skejjel li għaddew għall-finali disskutew il-mozzjoni “Il-Kamra tirrakkomanda li fl-iskejjel kollha, l-istudenti għandu jkollhom aċċess għal assistenza ta’ intelliġenza artifiċjali (large language model e.ż. ChatGPT, Gemini u Copilot) fis-suġġetti kollha”, fejn il-Kulleġġ Santu Wistin, Skola Sekondarja tal-Pietà, kellha targumenta favur il-mozzjoni, filwaqt li l-Kulleġġ San Benedittu, Skola Sekondarja Ħal Kirkop, kellha targumenta kontra l-mozzjoni, bl-iskola tal-aħħar tirbaħ din l-edizzjoni.

Fi tmiem l-attività ġew ippreżentati ċertifikati lill-iskejjel li waslu sas-semi-finali, trofew lill-aħjar żewġ kelliema, ċertifikati lir-runners up, u trofew u ċertifikati u rigali oħra lir-rebbieħa.

Il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima, is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Keith Azzopardi Tanti, il-Kelliema tal-Oppożizzjoni għaż-Żgħażagħ Bernice Bonello, u l-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Edukazzjoni Justin Schembri, indirizzaw ukoll din is-sessjoni finali.

Ekonomija

Sport