Wednesday, October 30, 2024

IL-PARLAMENTARI GĦANDHOM JITBIEGĦDU MINN INSULTI LEJN XULXIN

Aqra wkoll

Fi ftit jiem oħra, il-Parlament mistenni jaġġorna għall-vaganzi tas-sajf. Bla dubju r-rappreżentanti tal-poplu jimmeritahom li jieħdu l-vaganzi wara li xi laqgħat parlamentari kienu sħan aktar mis-soltu. Fl-aħħar jiem tiegħu qabel jaġġorna, il-Parlament aktarx li jieħu vot fuq liġijiet importanti fosthom il-mozzjoni li ressqet l-Oppożizzjoni li fiha sejħet għal inkjesta pubblika dwar it-traġedja li ħalliet żagħżugħ ta’ 20 sena mejjet wara l-kollass ta’ bini f’Kordin.

Dan id-dibattitu dwar din il-mozzjoni qanqal ukoll xi ftit tal-emozzjonijiet fejn xi tgħajjir beda għaddej min-naħa għall-oħra. Sitwazzjonijiet bħal dawn ma jirriflettux demokrazija ħajja għaliex il-Parlament mhux qiegħed hemm biex xi ħadd ifajjar l-insulti kontra xi ħadd ieħor. Dan juri l-ħtieġa li l-Parlamentari għandhom jidraw jattakkaw jew jikkritikaw il-messaġġ u mhux lill-messaġġier.

Għalhekk intennu li fil-perjodu tal-vaganzi li l-Parlament ikun wieqaf, il-membri fi ħdanu għandhom jieqfu u jirriflettu ftit kif jitbiegħdu minn kliem mhux xieraq lejn xulxin ħalli jkunu xhieda bis-serjetà tal-ħtieġa tal-għaqda fost il-poplu. Għaliex nemmnu li t-tgħajjir u l-insulti ma jġibu xejn ħlief firda fost in-nies.

Nittamaw ukoll li l-Parlament ma jdumx ma jadotta l-prassi li fiha verament iċ-ċittadin komuni jingħata protezzjoni meta xi deputat jinqeda bil-privileġġ parlamentari u jallega affarijiet li ħafna drabi jkunu mitluqin għal riħhom u mhux sostanzjati.

Filwaqt li aħna m’għandna xejn kontra l-privileġġ parlamentari anzi nemmnu li dan għandu jintuża biex verament l-affarijiet isiru aħjar, b’danakollu ma nistgħux nibqgħu għaddejjin fejn xi ħadd juża dan il-privileġġ biex jattakka u jallega bla ma jissostanzja dak li jkun qal.

Għalhekk, minn dawn il-kolonni nappoġġjaw dak li kemm-il darba qal l-Ispeaker li l-privileġġ parlamentari għandu jintuża biex jilħaq l-iskop li għalih sar u dak li jingħad taħt il-privileġġ parlamentari għandu jkun veritier u bbażat fuq il-fatti u mhux allegazzjonijiet li ma jkunux sostanzjati.

Għalhekk f’dan il-kuntest nemmnu li immedjatament għandu jidħol fis-seħħ ir-rimedju li jingħata ċ-ċittadin komuni meta jħossu offiż minn xi diskors li jkun sar fil-Parlament.

Nemmnu wkoll li dan għandu jkun japplika mhux biss għas-seduti parlamentari imma wkoll għal-laqgħat tal-kumitati tal-istess parlament.
Dan għaliex ma nistgħux inħallu aktar żmien fejn iċ-ċittadin iħossu insulentat mingħajr ma jkollu aċċess għar-rimedju biex jiddefendi l-unur tiegħu.

Sport