Saturday, October 26, 2024

Il-Parlment jingħaqad f’tislima lejn Frederick Azzopardi

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-membri tal-Gvern u l-Oppożizzjoni inġabru fil-Parlament biex isellmu l-memorja tad-deputat Nazzjonalista Frederick Azzopardi li miet is-Sibt li għadda fl-età ta’ 71 sena.

L-aħħar darba li ġara xi ħaġa simili kien 12-il sena meta miet id-deputat Laburista Karl Chircop li kellu 43 sena.

Is-seduta speċjali b’tislima lejn id-deputat Għawdxi, li għaliha kienu preżenti membri tal-familja ta’ Azzopardi, saret l-għada li l-istess membri parlamentari nġabru fil-Knisja tax-Xewkija biex jagħtuh l-aħħar tislima.

Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne irrimarka li biex tkun elett ħames darbiet infila fil-Parlament jfisser li tkun maħbub.

Huwa iddekrivih bħala bniedem ġentlom li kien kapaċi jwassal biex tiftiehem miegħu u rrakkonta kif kien hemm diversi drabi fl-OSCE meta ntalab jintervjeni fi kwistjonijiet bejn delegazzjonijiet ta’ pajjiżi differenti.

“Inħares lejn bieb (tal-Parlament) u nistħajjel nara lil Frederick dieħel. Inħoss dieqa meta nirrealizza li mhux se narah aktar”, żied Fearne.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech sostna li lil Azzopardi ma kienx jafu personalment u jixtieq isir jafu permezz ta’ sħabu.

Waqt li semma kif bil-mewt tiegħu ftakar f’Karl Chircop, Grech qal li Azzopardi mhux biss kien bniedem onorevoli imma onorabbli.

L-eks-Kap tal-PN Adrian Delia iddeskrivih bħala persuna li l-messaġġ tiegħu kien jgħaddih fil-kwiet u mingħajr ħafna għajjat waqt li semma kif qatt ma kien jaħseb fih innifsu.

Id-deputati Għawdxin Kevin Cutajar u Chris Said ukoll tkellmu fis-seduta fejn tal-ewwel faħħar lil Azzopardi għax kien bniedem li jagħti importanza lis-sustanza u mhux lill-qoxra.

Min-naħa tiegħu, Said ukoll semma kif il-mewt ta’ Azzopardi fakkritu f’dik ta’ Karl Chircop u semma kemm ħadem mal-għaqdiet volontarji u żamm kuntatt man-nies waqt li żied li jħoss li huma midjunin lejh.

L-Ispeaker tal-Parlament Anġlu Farrugia ngħaqad magħhom f’din it-tislima fejn qal li kien sar jafu meta kien pulizija stazzjonat Għawdex u minn dakinhar saru ħbieb.

Huwa qal li Azzopardi kellu kariżma kbira, kien bniedem ta’ valuri li dejjem jitkellem dwar il-familja u t-telfa tiegħu se tinħass waqt li irrimarka li ma jaħsibx li l-Parlament se jkollu persuna oħra bħalu.

Sport