Thursday, April 9, 2026

Il-Parroċċa taż-Żejtun tibbenefika minn finanzjament mill-Gvern għar-restawr tal-koppla tal-knisja

Aqra wkoll

Il-Parroċċa ta’ Santa Katerina fiż-Żejtun se tibbenefika minn finanzjament sostanzjali mill-Gvern sabiex isir restawr meħtieġ fil-koppla tal-knisja.

Il-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali Owen Bonnici u l-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol Byron Camilleri, flimkien mal-Arċipriet tal-Parroċċa ta’ Santa Katerina Anton Galea-Scannura, ħabbru li l-Gvern se jkun qed jipprovdi appoġġ u għajnuna finanzjarja sabiex jitwettqu t-tiswijiet u r-restawr meħtieġ fil-koppla tal-knisja.

Ix-xogħol se jsir permezz tal-entitajiet Komunità Malta u l-Kunsill Malti għall-Arti, filwaqt li ġie enfasizzat li matul il-proġett kollu se jkun assigurat li jitħarsu r-regolamenti kollha relatati mal-ħarsien tal-wirt kulturali.

Il-Ministru Owen Bonnici sostna li l-Knisja Parrokkjali taż-Żejtun hija waħda unika, kemm għall-kobor tagħha kif ukoll għall-valur storiku u kulturali li ġġorr magħha. Huwa spjega li dan il-proġett ta’ restawr jifforma parti minn sensiela usa’ ta’ investimenti li l-Gvern qed iwettaq f’knejjes u kappelli madwar Malta, bil-għan li jitħares u jiġi ppreservat il-wirt reliġjuż u arkitettoniku tagħna għall-ġenerazzjonijiet futuri.

Il-Ministru Byron Camilleri qal li dan il-proġett mhux biss jippreserva l-wirt storiku u reliġjuż tal-knisja, iżda jagħti wkoll benefiċċju dirett lill-komunità taż-Żejtun. Huwa enfasizza li r-restawr se jgħin biex iżomm dan il-wirt importanti sigur u aċċessibbli għal kulħadd, filwaqt li jsaħħaħ is-sens ta’ identità fost il-komunità Żejtunija, u jikkonferma l-impenn tal-Gvern biex jipproteġi u jippreserva l-wirt kulturali u reliġjuż f’Malta.

Min-naħa tiegħu, l-Arċipriet Dun Anton Galea-Scannura laqa’ b’mod pożittiv dan l-investiment fil-Knisja ta’ Santa Katerina, u rringrazzja lill-awtoritajiet għall-appoġġ kontinwu.

Preżenti wkoll kien hemm is-Sindku taż-Żejtun Joan Agius.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport