Wieħed mill-ostakli li qiegħed iżomm lin-nisa milli jipparteċipaw iżjed fil-ħajja politika huwa l-attitudni sessiżmu, il-fastidju u forom ta’ vjolenza li spiss jkollhom jiffaċċjaw fil-ħajja pubblika. Din it-tema hija ċentrali f’konferenza ta’ jumejn tal-Kummissjoni dwar l-Ugwaljanza tal-Kunsill tal-Ewropa li għaliha qegħdin jattendu mal-mitt delegat fosthom diversi politiċi mill-pajjiżi membri tal-Kunsill tal-Ewropa.
Fil-ftuħ tal-konferenza li qed isir bħala parti mill-Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-Ewropa, is-Segretarju Parlamentari għall-Ugwaljanza u r-Riformi Rebecca Buttigieg qalet li m’hemmx dubju li l-politiċi nisa kemm fuq bażi nazzjonali kif ukoll lokali huma fil-mira ta’ attakki personali.
Hija semmiet l-esperjenza personali meta waqt id-dibattitu fuq il-liġi li kienet ser tippermetti lit-tobba jtemmu t-tqala jekk saħħet il-mara tkun f’periklu, hija rċeviet ittra b’insulti, tgħajjir u theddid li kienet indirizzati lilha biss u mhux lil deputati oħra rġiel li kienu wkoll qed jaħdmu fuq din il-liġi. Is-segretarju parlamentari qalet li konvinta li din l-esperjenza tagħha f’mument jew f’ieħor għaddew minnha bosta mid-delegati preżenti għaliex hija realtà li jħabbtu wiċċhom magħha n-nisa fil-politika.
Is-segretarju parlamentari qalet li dawn l-attitudnijiet mhumiex materja privata u għalhekk hemm bżonn soluzzjoni sistematiċi biex jingħelbu l-isterjotipi fis-soċjetà. Waqt li saħqet fuq l-importanza li jkun hemm l-ugwaljanza biex il-perspettiva tal-mara tkun ukoll fil-proċess leġiżlattiv. Qalet li fin-nuqqas ta’ dan ikun hemm żbilanċ demokratiku.
Is-Segretarju Parlamentari Rebecca Buttigieg fissret il-miżuri u l-inizjattiva li qiegħdin jittieħdu f’Malta biex tissaħħaħ l-ugwaljanza fosthom l-introduzzjoni tal-mekkaniżmu tal-bilanċ tal-ġeneru li permezz tiegħu żdiedet ir-rappreżentanza femminili fil-Parlament. Semmiet ukoll l-implimentazzjoni tal-istrateġija nazzjonali għal ugwaljanza bejn il-ġeneri li tipprovdi għal azzjonijiet għal kisba tal-ugwaljanza fis-setturi kollha u fil-policies tal-gvern.
Is-segretarju parlamentari tenniet l-impenn ta’ Malta li tkompli taħdem lokalment u internazzjonalment favur l-ugwaljanza. Żiedet tgħid li din il-konferenza ser iservi biex ikunu diskussi l-aħjar prattiċi f’dan il-qasam u biex jissaħħu l-alleanzi għaliex l-isfidi jingħelbu bl-għaqda u bis-solidarjetà.
Fil-ftuħ tal-konferenza tkellmu wkoll id-Deputat Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Ewropa Bjorn Berge u Dr Helena Dalli li serviet bħala l-ewwel Kummissarju tal-Unjoni Ewropea dwar l-ugwaljanza.
Il-parteċipazzjoni tan-nisa u l-ugwaljanza fil-politika fil-qalba tad-djalogu
