Sunday, December 22, 2024

“Il-Partit Laburista hu dak il-moviment li lest li jagħti aspirazzjoni lin-nies”

Aqra wkoll

Mark Grech, Kandidat Laburista fuq it-Tieni Distrett

Mark Grech huwa kunsillier fil-Kunsill Lokali ta’ Ħaż-Żabbar. Għandu 35 sena u hu miżżewweġ lil Diane filwaqt li għandhom żewġt itfal. Wara numru ta’ snin bħala kunsillier fil-lokalita’ fejn twieled, Grech ħass il-ħtieġa li jikkontesta għall-Elezzjoni Ġenerali li se ssir din is-sena. Wara li ssottometta l-applikazzjoni tiegħu, din ġiet approvata mill-Eżekuttiv Nazzjonali tal-Partit Laburista. Hu se jkun qed jikkontesta fit-tieni distrett li jinkludi lil Bormla, l-Isla, il-Birgu, il-Kalkara, Ħaż-Żabbar, ix-Xgħajra u parti mill-Fgura.

Fuq il-profil tiegħu fuq Facebook hu qal hekk. “Nilqa’ b’umilta’ din l-approvazzjoni u ninsab lest biex minn qalbi nirrapreżenta lill-Partit Laburista bħala Kandidat fl-Elezzjoni Ġenerali li jmiss.

L-applikazzjoni tieghi ġiet nominata mill-Ministru Miriam Dalli, Ministru Ian Borg, President tal-Assoċjazzjoni Kunsilli Lokali Mario Fava u President tar-Reġjun Xlokk Paul Farrugia. GRAZZI tal-fiduċja tagħkom fija.”

Fost id-diversi laqgħat li qed ikollu, Grech jiltaqa’ ta’ spiss mal-Prim Ministru Robert Abela li f’attività li kien hemm ftit tal-ġranet ilu kellmu fit-tul dwar l-kandidatura tiegħu. 

Grech iqis ruħu bħala persuna perfezzjonista u li jinkwieta xi ftit sabiex kollox imur kif suppost. Hu bniedem li jħobb jgħin ħafna u għandu relazzjoni tajba ma’ diversi persuni. Hu dejjem isib xi ħaġa tajba f’dak li jkun u għalhekk ifittex ħafna l-pożittiv tas-sitwazzjoni.

B’kollox ilu madwar 15-il sena jservi fil-kunsill lokali ta’ Ħaż-Żabbar. X’impatt irnexxielu jħalli għal din il-lokalità tant għal qalbu?

“Tista’ tgħid li erba’ leġislaturi għaddew f’ħakka t’għajn. Dejjem ħadt ħsieb li nkun viċin tan-nies għax wara kollox dawn kienu li tellgħuni f’din il-kariga ta’ kunsillier. Jien nemmen ħafna fl-università tat-triq fejn in-nies jgħallmuk bil-mod ta’ kif jgħixu. Nammetti li nħossni parti minn din il-lokalita’ u għalhekk li s-sodisfazzjon tiegħi jikber.”

Iżda x’wassal lil Mark Grech sabiex mill-politika lokali jdur għal dik nazzjonali? Hu jgħidilna li wara erba’ elezzjonijiet tal-kunsill lokali fejn dejjem tela’ elett, ħass li dak kellu jkun il-pass li jmiss. B’hekk hu xtaq li jkollu responsabbilta’ akbar u b’hekk ikun jista’ jaqdi l-ħtiġijiet ta’ persuni oħra.

Mark Grech jgħid li minn dejjem kien jogħġbu l-attiviżmu politiku u forsi ġie ispirat min-nanna tiegħu li kienet issegwi l-politika u titkellem ħafna fuqha. Hi kienet tirrakkonta kemm kienu jgħixu fil-faqar u kemm il-Partit Laburista fil-gvern taħt il-perit Duminku Mintoff, Malta tjiebet fejn għandu x’jaqsam livell ta’ għixien. Barra minn hekk hu personalment kien jidentifika ruħu sew mal-istil ta’ politika ta’ dan il-partit u ma kinitx sorpriża li dejjem ħareġ taħt din il-kappa.

Saqsejna lil Grech kif jirnexxielu jlaħħaq max-xogħol personali tiegħu, il-familja u l-attiviżmu politiku speċjalment għax dan tal-aħħar jinvolvi ħafna ħin.

“Ċertament li marti Diane hi kruċjali f’dan kollu. Hi tagħtini ħafna sapport u tkun hemm għalija l-ħin kollu. Hi flimkien maż-żewġ familji l-oħra jagħtuna ħafna assistenza u bl-impenji kollha li jkolli allaħares ma jkunux huma.”

Issa li se jkun qed iħares lejn din l-avventura l-ġdida, ġaladarba jkun elett x’timbru jixtieq iħalli bħala membru parlamentari?

“Hemm diversi suġġetti li huma għal qalbi u li nixtieq li nara li jimxu ‘l quddiem. Fost l-oħrajn hemm il-liġi tal-impjieg u dik industrijali. Fl-opinjoni tiegħi hemm lok għal titjib u aktar għarfien sabiex dan is-settur jimxi ‘l quddiem. Irid ikollna aktar għodda sabiex naraw li kulħadd irrispettivament minn kull differenza li jista’ jkollu, jimxi ‘l quddiem u ma nħallu barra lil ħadd. Warakollox kulħadd għandu dritt għall-ħajja dinjituża.”

“Suġġett ieħor li nixtieq inressaq hu wkoll it-tibdil fil-klima li taf taffettwana sew aktar ‘il quddiem. Din hi ġlieda sabiex nibżgħu għall-ambjent għax wara kollox hemm ħajjet in-nies ukoll. Nemmen li b’daqsxejn sforz minn kulħadd kapaċi jkollna ambjent isbaħ u aħjar għalkemm irridu naħdmu id f’id biex dan jirnexxi.”

“Semmejt li ħadd m’għandu jibqa’ lura u jgħix ħajja dinjituża. Hemm bżonn nagħtu imbuttatura sew lin-nies li qed jesperjenzaw il-faqar. Il-Partit Laburista hu rinomat li jaħseb fiż-żgħir u għalhekk ċerti miżuri li għamel u li żgur għad irid jagħmel se jsarrfu ta’ ġid sabiex naraw titjib fil-kwalita’ tal-ħajja ta’ dawn in-nies.”

Il-Partit Laburista hu wkoll rinomat għar-riformi soċjali li wettaq f’dawn l-aħħar snin sabiex filwaqt li tiżdied l-ugwaljanza, ma jkunx hemm diskriminazzjoni.

Mark Grech jgħid li dawn ir-riformi li wettaq il-partit f’dawn l-aħħar snin servew ta’ ġid u huma rilevanti għas-soċjeta’ tal-lum li aktar ma jmur, aktar qiegħda tinbidel. Hu jgħid li wieħed irid ikompli jaħdem billi anke jimmodernizza l-istrutturi tal-partit. Hu rrefera għall-eks kap eżekuttiv tal-Partit Laburista Randolph Debattista li qal li biex bħala moviment ikomplu jirnexxu, “irridu nkunu l-aħjar verżjoni tagħna nfusna.”

Grech qal li kulħadd jiżbalja u mhux b’inqas dan il-partit tant glorjuż. Iżda l-importanti hu li meta wieħed jiżbalja, jammetti u jkun umli li jirranġa dak li ma tantx seħħ sew. Wara kollox ħadd m’hu perfett skont hu.

Madankollu Grech xtaq jgħaddi l-aħħar messaġġ lil dawk li għandhom għal qalbhom il-Partit Laburista u li dalwaqt se jkunu msejħa sabiex jivvutaw fl-Elezzjoni Ġenerali.

“Dan il-poplu Malti għandu aspirazzjonijiet kbar. Il-Partit Laburista hu dak il-moviment li lest li jagħti aspirazzjoni lin-nies. F’dawn l-aħħar snin seħħ ħafna ġid u dan grazzi għal nies kapaċi li għandhom għal qalbhom l-interessi tan-nies. Għalhekk se nħarsu ‘l quddiem u lesti sabiex naħdmu ma’ din is-soċjeta’ miftuħa għal aktar progress u tibdil fis-snin li ġejjin!”

Ekonomija

Sport