Tuesday, January 13, 2026

Il-Partit Laburista jfakkar is-6 snin ta’ Robert Abela fit-tmexxija

Aqra wkoll

Il-Partit Laburista dalgħodu fakkar għeluq is-6 snin mindu Robert Abela nħatar Mexxej tal-Partit Laburista u Prim Ministru.  F’konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mid-Deputat Prim Ministru Ian Borg u d-Deputat Mexxej tal-Partit Laburista Alex Agius Saliba ntqal li s-6 snin kienu mimlijin sfidi, li iżda Robert Abela rnexxielu jdawwarhom f’opportunitajiet li rrendew f’riżultati u kisbiet għall-poplu Malti u Għawdxi.

Id-Deputat Prim Ministru Ian Borg qal li f’dawn is-6 snin spikkat ir-reżiljenza ta’ Gvern Laburista mmexxi minn Robert Abela li qed iġib riżultati storiċi fl-ambitu ekonomiku u soċjali.  Fakkar kif l-ewwel test għal Abela kien ftit inqas minn xahrejn milli ġie fdat bit-tmexxija tal-pajjiż meta feġġet il-pandemija u bid-deċiżjonijiet f’waqthom li ħa rnexxielu jsalva l-impjiegi u jdawwar ir-rota ekonomika xorta waħda.  

Borg qal li minbarra l-pandemija feġġew żewġ gwerer qrib tagħna, bil-Gvern immexxi minn Robert Abela daħal għall-piż biex jevitah minn fuq il-familji u n-negozji u għadu sal-lum jissussidja l-enerġija fost affarijiet oħra.  Fisser kif filwaqt li l-ekonomija Ewropea hija staġnata, l-amminstrazzjoni Robert Abela iġġenerat ġid bla precedent, bil-prodott domestiku gross jaqbeż €24.5 biljun (żieda ta’ kważi €10 biljun), biex b’hekk setgħu jissaħħu bil-kbir il-benefiċċji soċjali, tnaqqset ir-rata tat-taxxa, kif ukoll ġabet stabbiltà fil-prezz tal-enerġija, il-gass u l-fjuwils.

Tkellem ukoll il-ħidma li saret ukoll minn Malta fuq livell internazzjonali b’mod partikolari billi Gvern Laburista kien promotur tal-paċi meta kellu siġġu fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Magħquda, il-Presidenza tal-OSCE u tal-Kunsill tal-Ewropa.  Qal li wara 40 sena, kien Gvern Laburista li rrikonoxxa l-istat tal-Palestina fis-sessjoni tan-Nazzjonijiet Magħquda s-sena li għaddiet ma’ numru ta’ pajjiżi oħra.


Min-naħa tiegħu, id-Deputat Mexxej tal-Partit Laburista Alex Agius Saliba qal li minkejja d-diversi sfidi li ffaċċjat id-dinja, għall-kuntrarju ta’ stati membri oħra, minħabba l-għaqal fit-tmexxija, il-viżjoni li dejjem kellu Gvern Laburista u minħabba d-deċiżjonijiet meħuda minn Robert Abela f’sitwazzjonijiet ta’ inċertezza globali, Malta rnexxielha tkompli miexja ‘l quddiem. Agius Saliba qal li f’dawn is-sitt snin komplew jissaħħu l-kundizzjonijiet tal-ħaddiema u nħolqu eluf ta’ opportunitajiet ta’ xogħol u karrieri ta’ kwalità.  Ikkwota statistika uffiċjali li turi kif Malta għandha l-inqas rata ta’ qgħad fl-Unjoni Ewropea, filwaqt li pajjiżna jinsab fost l-aħjar fil-qalba diġitali.  

Irrefera għall-investiment fit-tieni interconnector u s-sistema tad-distribuzzjoni tal-elettriku, fl-ispazji miftuħa u ħodor, bil-parks amministrati mill-Gvern u oħrajn ġodda li se jsiru f’Manoel Island, il-White Rocks, il-Forti Campbell u l-Forti Tigné.  Innota kif it-tmexxija ta’ Robert Abela tispikka f’każijiet żgħar u l-attenzjoni individwali li jagħti b’mod partikolari fejn tidħol is-saħħa tan-nies. 

Fuq livell ta’ partit, Agius Saliba qal li mill-Gvern, il-Partit Laburista ġedded l-istrutturi tiegħu, u anke aġġornahom fejn kien meħtieġ.  Fuq livell internazzjonali, Agius Saliba rrefera għall-Kunsill tas-Socialist International li sar f’Malta u r-rikonoxximent li wera Pedro Sanchez, President ta’ Socialist International u Prim Ministru Spanjol, għat-tmexxija ta’ Robert Abela f’dawn l-aħħar 6 snin.  B’kuntrast semma kif fl-aħħar 6 snin, il-Partit Nazzjonalista biddel 3 Kapijiet iżda l-aġir tagħhom baqa’ negattiv, mhux biss f’Malta iżda wkoll fil-fora Ewropej fejn kompla jkasbar lil pajjiżna.  

Temm b’appell għar-rally ta’ nhar il-Ġimgħa li ġej, li se ssir fil-Cottonera Sports Complex u se tiċċelebra l-kisbiet u l-viżjoni futura ta’ Robert Abela għaż-żmien li ġej.  Ir-rally se tibda mis-7 ta’ filgħaxija ‘l quddiem, bi spettaklu minn mużiċisti u kantanti lokali.  Il-qofol jintlaħaq bid-diskors tal-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Robert Abela.  

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport