Saturday, October 26, 2024

Il-Partit Laburista jilqa’ b’sodisfazzjon deċiżjoni tal-Qorti Ewropea dwar it-trakkijiet

Aqra wkoll

Il-Partit Laburista juri l-apprezzament tiegħu għall-ħidma sabiex tneħħiet l-inġustizzja li kienu qed isofru minnha s-sidien tat-trakkijiet. 

Regolamenti ġodda tal-Unjoni Ewropeja kienu qed iġegħlu lis-sidien tat-trakkijiet jirritornaw Malta kull tmien ġimgħat.  Dan kien qed ikun ta’ piż u tbatija żejda fuq is-sewwieqa Maltin speċjalment meta wieħed iqis li Malta tinsab maqtugħa bil-baħar minn bosta pajjiżi Ewropej u għalhekk bosta drabi l-vjaġġi tas-sewwieqa jtulu iżjed miż-żmien stipulat mill-UE. 

Dan il-piż kien se jwassal sabiex is-sewwieqa ma jkollhom l-ebda għażla oħra għajr li jadottaw prassi inqas effiċjenti b’nefqa ikbar u jgħaddu l-ispiża lill-importaturi u l-esportaturi, u finalment kien se jkollha impatt fuq il-konsumaturi.  Il-piż fuq il-konsumatur kien se jkun partikolarment kbir fid-dawl tal-fatt li ħafna mill-prodotti essenzjali għall-ħajja ta’ kuljum jiġu traportati minn trakkijijiet kbar jew containers.

Issa, wara ħidma siewja mill-Gvern Malti, flimkien ma’ pajjiżi oħra Ewropej, il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja ħassret din id-deċiżjoni tal-UE u b’hekk tneħħa l-piż inġust fuq is-sewwieqa u l-konsumaturi Maltin. 

Il-Partit Laburista jinnota li s-sentenza tal-lum tikkonferma bil-fatti l-ħidma tal-Gvern f’dan is-settur lil hinn minn dak li qal il-Partit Nazzjonalista.  Jirriżulta li l-ħidma li saret mill-Gvern qed tkompli tħalli l-frott minħabba li qed jieħu miżuri li bihom iżomm il-flus fil-bwiet tan-nies.

Il-Partit Laburista jifraħ lill-entitajiet kollha nvoluti sabiex seta’ jinkiseb dan ir-riżultat pożittiv għall-ġid tal-konsumaturi.  Fl-istess waqt, il-Partit se jkun qed ikompli jsegwi l-iżviluppi f’dan il-qasam sabiex jaċċerta ruħu li din l-inġustizzja tneħħiet darba għal dejjem.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport