Il-Partit Laburista kompla jiltaqa’ man-nies, fosthom bi żjarat mal-familji, li huma fiċ-ċentru tal-politika u d-deċiżjonijiet tal-Gvern. Magħhom iddiskuta l-ikbar miżura preżentata fil-Budget 2026 it-Tnejn li għadda, li kienet tat-tnaqqis fir-rata tat-taxxa għall-ġenituri. Minn din il-miżura se jibbenefikaw 68,000 familja, flimkien mat-tax cut li daħlet fis-seħħ din is-sena li biha l-familji kollha u l-ħaddiema se jiffrankaw madwar €140 miljun f’taxxa.
Id-Deputat Mexxej tal-Partit Laburista Alex Agius Saliba żar lill-familja Micallef minn Santa Venera, u tkellem magħhom dwar l-għajnuna li qed jagħti Gvern Laburista biex itaffu mill-ispejjeż għat-trobbija ta’ żewġt itfal li għandhom 13 u 18-il sena. Il-familja Micallef uriet apprezzament għall-miżuri li tħabbru fil-Budget biex uliedhom ikunu jistgħu jkomplu bl-istudji tagħhom, fosthom iż-żieda ta’ 15% fl-istipendju, l-għotja ta’ €500 għal 3 snin, u s-6 xhur gym b’xejn għal binhom li huwa student universitarju, kif ukoll l-għotja ta’ €500 għat-tifla li se tieħu biex tixtri tagħmir elettroniku.
Min-naħa tiegħu l-President tal-Partit Laburista Alex Sciberras mar Ħaż-Żabbar fejn iltaqa’ ma’ familja bi tliet itfal – tifla ta’ 12-il sena u żewġ subien – wieħed ta’ 8 snin u ieħor ta’ sena. Il-familja Ciantar irrimarkat li l-iktar li se taffettwahom hija t-tnaqqis fit-taxxa bir-rati ġodda li tħabbru fil-Budget 2026. Dan minbarra ż-żieda fiċ-children’s allowance, sena wara l-oħra, kif ukoll iċ-childcare b’xejn għat-tifel ta’ sena minħabba li kemm l-omm u l-missier jaħdmu full-time.
Agius Saliba qal li l-familji se jibbenefikaw minn diversi miżuri mmirati għall-familja, li flimkien mas-sussidju fuq l-enerġija, se jgħinuhom jgħixu ħajja aħjar u ta’ kwalità, billi l-ġid li qed jinħoloq jitqassam b’mod ġust ma’ kulħadd. Sciberras spjega li l-missjoni tal-Partit Laburista mhix biss li l-Budget ikun tajjeb, iżda li jittraduċi t-tkabbir ekonomiku f’ġid għall-familji. Fisser kif familji b’saħħithom huma garanzija għall-futur tal-pajjiż tagħna.
Il-Partit Laburista jemmen li għandu jkompli jgħin lill-familji, speċjalment dawk tal-middle class, li qed iġorru l-piż tat-trobbija tat-tfal. Il-miżura li tħabbret fil-Budget 2026 tat-tnaqqis fit-taxxa għall-ġenituri Maltin u Għawdxin hija iktar ġeneruża minn dik tal-Polonja. Dan għax is-sistema Maltija se tkun gradwali u kawta mill-aspett fiskali, bi tnaqqis mifrux fuq diversi snin, mentri tal-Polonja tieqaf malli jintlaħaq il-limitu.
Gvern Laburista qed ikun ta’ sostenn soċjali biex ħadd ma jitħalla jaqa’ lura, għax jemmen fil-kapaċitajiet tal-Maltin u l-Għawdxin, u b’hekk pajjiżna joffri futur sabiħ għal uliedna.

