Il-Partit Laburista jinnota skiet mill-Partit Nazzjonalista wara l-gidba ċċertifikata ta’ Jason Azzopardi. Dan intqal f’konferenza tal-aħbarijiet li kienet indirizzata mill-Ministru Jonathan Attard u s-Segretarju Parlamentari Glenn Bedingfield, fid-dawl tas-sentenza mogħtija lbieraħ mill-Qorti tal-Appell li kkonfermat il-gidba tal-ex Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi fil-konfront tad-deputat Laburista Carmelo Abela.
Glenn Bedingfield qal lid-deċiżjoni tal-Qorti tikkonferma li l-Partit Nazzjonalista lest jigdeb bl-iskop li jiddistabbilizza l-ħidma tal-Gvern u l-pajjiż biex sempliċiment jiggwadanja punti politiċi. Żied jgħid li kawża tal-gideb ta’ Jason Azzopardi li l-Partit Nazzjonalista rikeb fuqhom għal dawn l-aħħar snin, Carmelo Abela u familtu għaddew minn martirju għax sempliċiment huwa Laburist u jifforma parti mill-Gvern Laburista.
Sostna li f’pajjiżna ma nistgħux naċċettaw li jkollna politika ta’ dan it-tip intiża biex tkisser il-ħajjiet tan-nies u tirrovinalhom il-karriera tagħhom. Semma kif bħalu kien hemm il-każijiet tal-Ministri Silvio Schembri u Clint Camilleri, li lejliet l-ewwel tas-sena Azzopardi prova jixħethom taħt inkjesta. Temm jgħid li l-Partit Laburista jinsab seren għax jaf li l-poplu jaf jagħmel distinzjoni bejn politika ta’ mibgħeda u politika ta’ kwalità.
Il-Ministru Jonathan Attard qal li bid-deċiżjoni tal-Qorti tal-Appell, issa huwa kkonfermat li l-Partit Nazzjonalista spiċċa rrenda lilu nnifsu fi grupp ta’ gideb u kalunji. Qal li l-allegazzjoni li saret fil-konfront ta’ Carmelo Abela ma kinitx frivola imma kienet serja ħafna. Żied jgħid li f’dan kollu, Jason Azzopardi kellu lill-Partit Nazzjonalista bħala spalla tant li għal bosta drabi talab ir-riżenja ta’ Carmelo Abela.
Jonathan Attard saħaq li l-Partit Nazzjonalista m’għandu l-ebda ideat għal dan il-pajjiż, u ma jistax joffri stabbiltà, filwaqt li l-unika għażla li għandu hija li jattakka lin-nies bl-iktar mod estrem. Qal li l-Partit Nazzjonalista qed jaqa’ fl-iktar livell baxx meta jippriedka dwar l-istandards imma jipprattika l-mibgħeda għax huwa mmexxi mill-estremisti li lesti jirrikorru għall-agħar tattiċi ta’ kattiverja biex jaħtfu l-poter. Qal li minkejja li għaddew aktar minn 24 siegħa mid-deċiżjoni tal-Qorti tal-Appell, s’issa hemm skiet assolut min-naħa tal-Partit Nazzjonalista u mill-aspiranti kandidati li jridu jmexxu lill-PN.