Il-Partit Laburista ppreżenta l-kontijiet awditjati tiegħu għas-sena 2024 lill-Kummissjoni Elettorali. Ir-rapport finanzjarju ġie awditjat mid-ditta tal-awdituri Grant Thornton, u kien approvat mid-delegati waqt il-Konferenza Ġenerali Annwali li saret madwar xahar ilu.
Delegazzjoni mmexxija mill-President Alex Sciberras ippreżentat ir-rapport finanzjarju tal-Partit Laburista fl-uffiċċju tal-Kummissjoni Elettorali fin-Naxxar. Dan ir-rapport ġie ppubblikat fuq is-sit elettroniku tal-istess Kummissjoni Elettorali, eżatt wara li kien ppreżentat dalgħodu.
Il-President Alex Sciberras qal li l-Partit Laburista qed juri bil-fatti kif ir-responsabilitajiet tiegħu jieħodhom b’serjetà u qed iżomm dejjem mal-obbligi tat-trasparenza u l-kontabilità.
B’hekk, il-Partit Laburista żamm mal-obbligi legali tiegħu skont kif tistipula l-liġi tal-finanzjament tal-partiti politiċi, li kull sena jippreżenta l-kontijiet awditjati fil-ħin, kif inhuma obbligati jagħmlu l-partiti politiċi f’Malta.
Dan b’kuntrarju għall-Partit Nazzjonalista li ilu għal dawn l-aħħar 5 snin jikser il-liġi b’mod sfaċċat għax ma ppreżentax il-kontijiet awditjati, u la qed ikun trasparenti u lanqas kontabbli mat-tesserati tiegħu u mal-pubbliku ġenerali.


