Il-Partit Laburista jirrispetta d-deċiżjonijiet tal-Qorti, kif dejjem jagħmel, anke fil-każ taċ-Ċentru Laburista tal-Belt Valletta. Il-Qorti Kostituzzjonali irrikonoxxiet illi bħala kopropjetarju il-Kumitat Lokali tal-Belt mhux se jiġi żgumbrat mill-post fejn hemm iċ-Ċentru Laburista.
Dan qalu il-Partit Laburista fi stqarija fejn sostna; “ Il-Partit Nazzjonalista malajr ħareġ idoqq it-trombi dwar dan il-każ, iżda nesa li kien Gvern Laburista li ra li ssir ġustizzja u li jintlaħaq bilanċ bejn id-drittijiet tas-sidien u l-interessi tal-inkwilini meta wettaq ir-riforma fil-liġi tal-kera fuq propjetajiet ta’ qabel l-1995”
Il-PL qal ukoll; “ Aħjar il-Partit Nazzjonalista jara kif ħeba d-dejn tiegħu f’eżerċizzju kożmetiku biex jipprova jiddevja l-problemi finanzjarji serji li għandu fi ħdanu. Qabel jipponta subgħajh lejn ħaddieħor, il-Partit Nazzjonalista aħjar jagħmel eżami tal-kuxjenza għax la hu kredibbli fil-finanzi tal-partit aħseb u ara tal-pajjiż.”

