Wednesday, May 14, 2025

Il-Partit Laburista jirrispetta d-demokrazija u r-rieda tal-Kunsilliera ta’ Ħal Għargħur

Aqra wkoll

Wara l-laqgħa b’urġenza tal-Kunsill Lokali ta’ Ħal Għargħur, li saret illejla, ġiet diskussa l-mozzjoni ta’ sfiduċja fis-Sindku Nazzjonalista Helen Gauci li tressqet il-ġimgħa l-oħra. 

Fi tmiem il-laqgħa ttieħed vot mill-5 kunsilliera ta’ Ħal Għargħur biex jiddetermina l-futur ta’ din il-lokalità.  Il-mozzjoni kisbet l-appoġġ ta’ tliet kunsilliera – tnejn tal-Partit Laburista u tal-kunsilliera Indipendenti – bil-kunsilliera tal-Partit Nazzjonalista jivvutaw kontrieha. 

B’hekk għaddiet il-mozzjoni ta’ sfiduċja fis-Sindku Nazzjonalista, li tipproponi wkoll li s-Sindku l-ġdida tkun il-Kunsilliera Laburista Mariah Meli, filwaqt li l-Kunsilliera Indipendenti Francesca Attard tibqa’ żżomm il-kariga attwali ta’ Viċi Sindku. 

Dan ir-riżultat ifisser li fil-jiem li ġejjin, Mariah Meli se tieħu l-ġurament bħala Sindku ta’ Ħal Għargħur u għall-ewwel darba fl-istorja din il-lokalità se tkun immexxija mill-Partit Laburista.

Il-Partit Laburista jilqa’ l-eżitu tal-vot tal-lum, b’rispett lejn id-demokrazija, kuntrarju għall-mod kif qed jindirizza s-sitwazzjoni l-Partit Nazzjonalista.  Dan għax flok qed jiżgura li l-Kunsilliera tiegħu jaġixxu b’governanza tajba u bi trasparenza f’din il-lokalità, il-Partit Nazzjonalista qed jipprova jfixkel il-perkors ta’ proċess demokratiku li jiddetermina kif jaqbel lilu l-kompożizzjoni ta’ dan il-Kunsill.

Il-Partit Nazzjonalista tilef il-maġġoranza tal-Kunsilliera u spiċċa bi 2 minn 5, u għandu jirrispetta dan ir-riżultat, kif il-Partit Laburista rrispetta riżultati ta’ Kunsilli oħrajn li huma ffurmati b’mod simili għal dak ta’ Ħal Għargħur.

M’hemmx dubju li d-deċiżjoni tal-Kunsilliera Laburisti u dik Indipendenti ta’ Ħal Għargħur ittieħdet fl-aħjar interess tar-residenti Għargħurin li jixraqilhom li l-lokalità tkun immexxija bi trasparenza sħiħa kif titlob il-governanza tajba.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport