Il-Partit Laburista ħabbar uffiċjalment il-kungress nazzjonali li se jibda l-Ħadd li ġej 12 t’April u jintemm il-Ġimgħa 17 t’April bid-diskors tal-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Robert Abela.
Id-dettalji ngħataw mid-Deputat Mexxej tal-Partit Laburista Alex Agius Saliba u l-President tal-Partit Alex Sciberras f’Ta’ Qali Studio, ħdejn l-MFCC, il-post li fih se jsiru l-attivitajiet kollha tal-Kungress għajr għall-ftuħ li se jsir f’Għawdex.

Alex Agius Saliba spjega kif dan il-Kungress huwa pass importanti fit-tfassil tal-manifest elettorali tal-Partit Laburista. Spjega li l-Partit Laburista dejjem jibni l-politika tiegħu fuq il-kontribut tan-nies u hekk se jkompli jsir b’konsultazzjoni mad-delegati, li huma l-għeruq tal-partit, kif ukoll il-korpi kostitwitu, l-imsieħba soċjali u s-soċjetà ċivili.
Stieden lid-delegati u l-membri tal-partit, lill-korpi kostitwiti u l-imsieħba soċjali, kif ukoll lil kull min għandu xi idea jew proposta biex dan il-pajjiż ikompli jibni fuq il-Viżjoni Malta 2050 u b’hekk jikteb il-kapitlu li jmiss għal Malta Aqwa.
Min-naħa tiegħu, il-President tal-Partit Laburista Alex Sciberras spjega kif il-Kungress huwa appuntament statutorju importanti biex il-Partit Laburista jiltaqa` man-nies u jisma l-ideat li jiggwidaw fil-ħsieb u fid-direzzjoni li għandu jieħu dan il-pajjiż fis-snin li ġejjin.
Il-Kungress se jibda b’diskussjoni mal-Għawdxin fil-Lukanda Ta’ Ċenċ, is-Sannat Għawdex, li fiha l-Prim Ministru Robert Abela se jkun qed jisma’ x’jixtiequ l-Għawdxin f’oqsma varji.
It-Tnejn u t-Tlieta se jkunu sessjonijiet miftuħa għad-delegati li se jkollhom iċ-ċans jiddiskutu b’mod miftuħ l-ideat tagħhom fi spazju fejn il-vuċi tagħhom tingħata widen u tiġi kkunsidrata fit-tfassil tal-policies futuri tal-partit.
Il-fergħat tal-Partit, kemm Żgħażagħ Laburisti permezz ta’ Pitch it to the Prime Minister, Nisa Laburisti b’Manifest HER, il-Veterani Laburisti u l-Ideat, qed jieħdu sehem b’mod attiv f’dan il-proċess ta’ xprunar ta’ ideat biex jiġu kkunsidrati għall-manifest elettorali tal-Partit Laburista.
L-Erbgħa se jsir business breakfast għall-korpi kostitwiti u l-imsieħba soċjali biex jiddiskutu kif nistgħu nsaħħu s-suċċess ekonomiku u nkomplu nqassmu l-ġid b’mod ġust għal kulħadd. Il-Ħamis se jsiru workshops ma’ rappreżentanti mis-soċjetà ċivili dwar oqsma varji bħall-enerġija, l-infrastruttura, il-qasam soċjali, iż-żgħażagħ u l-ispazji miftuħa.
Il-qofol jintlaħaq il-Ġimgħa bl-għeluq tal-Kungress f’attività li matulha se jingħata rendikont tal-attivitajiet li jkunu saru matul il-ġimgħa bil-qofol jintlaħaq bid-diskors importanti tal-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Robert Abela.
Alex Sciberras appella lil kulħadd sabiex jikkontribwixxi f’dan il-proċess, bl-ideat jistgħu jintbagħtu wkoll b’email fuq [email protected]

