Ftit jiem biss qabel il-Mass Meeting ta’ Jum il-Ħaddiem, il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela żar diversi lokalitajiet madwar il-pajjiż, minn Raħal Ġdid sa Ħal Qormi u r-Rabat, f’attivita oħra qrib in-nies.
Minn post għall-ieħor, kienet okkażjoni fejn jiġu ċċelebrati l-kisbiet ta’ poplu wieħed maqgħud filwaqt li nħarsu ‘l quddiem lejn l-aħbarijiet sbieħ li ġejjin.
Il-Prim Ministru tkellem dwar il-kisbiet ta’ dan il-Gvern fil-qasam tax-xogħol u sostna li pajjiżna rnexxielu jkabbar l-ekonomija tiegħu b’ħames darbiet aktar mill-medja tal-Unjoni Ewropeja, grazzi għall-bżulija, l-ħila u r-reżiljenza tal-ħaddiema Maltin u Għawdxin.
Sostna li din it-trasformazzjoni kienet possibbli għax dan il-Gvern saħħaħ il-qagħda tal-ħaddiema. Fakkar kif fl-2013, Gvern Laburista wiret pajjiż bi tmint’elef ruħ qegħda iżda biddel ir-rotta u rnexxielu joħloq seba’ postijiet tax-xogħol għal kull persuna li qed tirreġistra.
Żied jgħid li Gvern Laburista daħħal il-prinċipju tal-‘making work pay’. Dan għaliex taħt Gvern Nazzjonalista, il-pagi tant kienu baxxi li ħafna kien jaqblilhom jgħixu fuq il-benefiċċji soċjali flok immorru jaħdmu. Gvern Laburista daħħal it-tapering tal-beneficcji socjali, l-inwork benefit, iċ-child care b’xejn, u miżuri oħra li għenu biex aktar nies jidħlu fid-dinja tax-xogħol, tant li llum għandna sitwazzjoni ta’ full employment.
Il-Prim Ministru sellem lill-GWU li fi kliemu kienet katalista ta’ din il-bidla kbira li saret u fakkar kif Gvern immexxi minnu assigura li din l-akbar union f’pajjiżna, ma jkollhiex għalfejn toħroġ mill-binja tagħha fil-Belt Valletta, kif kien hemm min ipprova jagħmlilha.
Il-Prim Ministru tkellem ukoll dwar il-qasam tas-snajja u ħabbar li Gvern immexxi minnu ser jerġa’ jiftaħ l-iskejjel tas-snajja, li kienu ngħaqlu minn Gvern Nazzjonalista. Żied jgħid li teżisti sinerġija bejn l-MCAST u s-settur tal-avjazzjoni tant li l-istudenti qed jiġu offruti l-aqwa opportunitajiet ta’ xogħol qabel jiggradwaw.
Dr Abela elenka lista sħiħa t’għajnuniet li qed joffri Gvern Laburista lil bosta setturi ta’ nies differenti u saħaq li dawn l-inċentivi jistgħu jibqgħu jingħataw sena wara l-oħra għax għandna ekonomija b’saħħitha.
Sostna li għall-Gvern Laburista, il-qasam tax-xogħol, huwa ta’ prijorita’ assoluta tant li anke d-dokument dwar il-Viżjoni Malta 2050, ipoġġi fiċ-ċentru tiegħu dan il-qasam.
Il-Prim Ministru temm b’appell għall-poplu Malti u Għawdxi, biex nhar il-Ħamis, kulħadd għall-Belt Valletta biex flimkien niċċelebraw il-festa tal-Ewwel ta’ Mejju.