Il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Robert Abela qal li l-kontribut taż-żgħażagħ huwa importanti wkoll fit-teħid tad-deċiżjonijiet b’diskussjonijiet fuq temi varji, bħalma qed isiru wkoll kull xahar waqt il-Youth Advisory Forum. Irrefera għall-kontribut li taw iż-żgħażagħ f’dan il-Forum meta ġiet trattata l-ewtanasja volontarja assistita qabel dan is-suġġett tela’ f’livell ta’ Kabinett.
Il-Prim Ministru qal li s-suġġett tal-ewtanasja volontarja assistita huwa sentittiv u appella biex id-diskussjoni pubblika la tiġi politiċizzata, lanqas m’għandu xi ħadd joqgħod ibeżża’ jew li jingħadu skorrettezzi dwar din il-materja. Spjega kif fid-diskussjoni dwar l-ewtanasja volontarja assistita trid titqies ukoll il-kura paljattiva li qed tingħata lill-pazjenti b’mard terminali. Qal li l-proposti li ħareġ bihom il-Gvern jinkludu s-salvagwardji meħtieġa u stieden lin-nies jikkonkorru f’din il-konsultazzjoni pubblika biex isemmgħu leħinhom dwar dan is-suġġett.
Din it-tema kienet fost suġġetti li ġew trattati f’diskussjoni organizzata minn Żgħażagħ Laburisti bis-sehem ta’ żgħażagħ minn sferi varji tas-soċjetà. It-temi diskussi kienu l-edukazzjoni, l-ekonomija, l-ambjent, il-governanza, l-identità Maltija u l-kwalità tal-ħajja.
Dwar l-ambjent, il-Prim Ministru sostna li bil-proġett tal-waste-to-energy il-Gvern qed iħares lejn l-iskart bħala riżorsa li tiġġenera l-enerġija. Qal li dan huwa eżempju konkret ta’ kif il-Gvern qed iħares lejn dan is-settur u spjega kif ċerti temi bħalma huma l-isfidi klimatiċi jibqgħu dejjem prijorità għall-pajjiż. Tkellem ukoll dwar l-investiment li qed isir f’bosta spazji ħodor bħall-Park Nazzjonali f’Ta’ Qali, il-Park ta’ San Klement, il-Qortin, Wied Fulija u Ġnien il-Glażiż, kif ukll 19-il proġett ta’ spazji mitluqa li ġew riġenerati minn Project Green.
Il-Prim Ministru spjega kif l-AI qed tintuża f’ċerti postijiet tax-xogħol biex tgħin il-ħidma li qed issir, fosthom semma l-proġett tad-drones li se jidentifikaw fejn hemm l-iskart sabiex ikun jista’ jinġabar mill-ħaddiema tad-dipartiment tat-tindif. Qal li l-AI mhux se tieħu post lill-ħaddiema u appella għall-ħtieġa ta’ iktar għarfien dwar dan is-suġġett, li qed joħloq opportunitajiet ġodda ta’ xogħol għaż-żgħażagħ.
Dwar l-edukazzjoni, il-Prim Ministru qal li din hija ċ-ċavetta tal-progress ekonomiku u soċjali tal-pajjiż u ħeġġeġ liż-żgħażagħ jibqgħu jistudjaw u jinvestu fihom infushom. Irrimarka l-importanza tal-isport u s-saħħa mentali, u qal li wasal iż-żmien li l-kejl tas-suċċess tal-pajjiż ma jibqax biss fuq il-ġid materjali, iżda skont il-benesseri u l-kwalità tal-ħajja tan-nies.
Suġġett ieħor trattat kien is-sistema ġudizzjarja, bil-Prim Ministru jispjega kif qatt ma sar investiment fil-Qrati daqs kemm sar illum, mhux biss billi żdied l-ammont ta’ ġudikanti, iżda wkoll fil-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom. Dr Abela qal li se jitressqu riformi leġislattivi biex jindirizzaw l-effiċjenza fil-Qrati għax din hija kwistjoni li tolqot il-libertajiet ta’ individwi u ħajjet bosta familji.
Dwar is-sentenza tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja dwar il-programm ta’ ċittadinanza b’investiment, il-Prim Ministru qal li se jirrispettaha, u rrimarka kif minkejja l-ġid li nħoloq b’dan il-programm, Roberta Metsola, Simon Busuttil u David Casa ħarġu jiċċelebraw kontra Malta. Qal li l-Gvern qed jaħdem fuq emendi leġislattivi biex jiġu rispettati l-prinċipji li joħorġu mis-sentenza. Appella biex kulħadd jiġbed ħabel wieħed sabiex ikollna regolamenti li jżommu ħaj dan il-programm, li ġġenera miljuni ta’ ewro biex bihom saru proġetti li fost l-oħrajn ibbenefikaw minnhom il-Hospice, Puttinu Cares u l-Malta Football Association.
Dwar is-servizzi soċjali f’sitwazzjonijiet ta’ koppji miżżewġin li jinfirdu, il-Prim Ministru spjega kif il-Gvern qed jerfa’ bosta realtajiet soċjali. Irrefera fost l-oħrajn għall-equity sharing li permezz tagħha l-Gvern jidħol bi sħab ma’ persuna li ma jkollhiex biżżejjed flus biex tixtri appartament. Tkellem ukoll dwar benefiċċji soċjali oħrajn li qed jingħataw mill-Gvern fosthom il-carer’s grant għall-ġenituri ta’ persuni b’diżabilità, kif ukoll għall-ħlas tal-bolol nieqsa lil nisa li waqfu jaħdmu biex jieħdu ħsieb il-familja biex xorta waħda jirċievu forma ta’ pensjoni.
Miltub jikkummenta dwar l-identità Maltija b’mod partikolari l-lingwa u l-kultura tagħna, il-Prim Ministru qal li għandna nkunu kburin bil-lingwa tagħna għax tiddistingwina bħala poplu. Spjega kif il-ġenituri u n-nanniet għandhom jimbuttaw iktar lit-tfal biex jitkellmu bil-Malti, filwaqt li semma inizjattivi li qed isiru f’setturi varji bħall-ospitalità u dak tal-anzjani biex il-ħaddiema barranin jitgħallmu l-Malti.
Il-Prim Ministru stieden liż-żgħażagħ li taw kontribut f’din id-diskussjoni biex iressqu proposti u jikkontribwixxu fil-konsultazzjoni pubblika li qed issir dwar il-Viżjoni Malta 2050. Qal li ż-żgħażagħ iridu jieħdu sehem fit-tfassil tal-Viżjoni Malta 2050 li se tiġi mplimentata minnhom għax huma l-preżent u l-futur tal-pajjiż.