Thursday, October 23, 2025

Il-Partit Laburista se jlaqqa’ l-Konferenza Ġenerali Annwali bejn illum u l-Ħadd

Aqra wkoll

Il-Partit Laburista se jlaqqa’ l-Konferenza Ġenerali Annwali (KĠA) bejn illum il-Ħamis 23 ta’ Ottubru sal-Ħadd 26 ta’ Ottubru.

Din il-KĠA se tkun qed tagħti lok ta’ diskussjoni dwar diversi temi fosthom l-akkomodazzjoni soċjali u affordabbli, u l-ħidma tal-Gvern fil-qasam soċjali, b’rabta mal-għajnuna u l-benefiċċji lil eluf ta’ familji u pensjonanti fost l-oħrajn.  Se ssir diskussjoni dwar il-prioritajiet li qed jitfasslu għall-Budget 2026, hekk kif il-KĠA se ssir lejliet id-diskors tal-Budget.

Is-sessjonijiet tal-Ħamis, il-Ġimgħa u s-Sibt se jkunu miftuħin għad-delegati u se jkunu ndirizzati minn għadd ta’ kelliema u esperti f’oqsma varji.  Il-Ħamis is-sessjoni tintemm b’diskors mid-Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Partit u Membru Parlamentari Ewropew Alex Agius Saliba filwaqt li l-Ġimgħa s-sessjoni tagħlaq bid-diskors tad-Deputat Prim Ministru u Deputat Mexxej ghall-Affarijiet tal-Parlament Ian Borg.

Is-Sibt imbagħad id-delegati se jkollhom iċ-ċans li jiddiskutu l-qagħda finanzjarja tal-Partit Laburista, bi preżentazzjoni dwar il-kontijiet finanzjarji tal-partit, wara li iktar kmieni din is-sena saret bidla fl-awdituri.  B’hekk il-Partit Laburista se jkompli jonora l-obbligi legali tiegħu u fil-ġimgħat li ġejjin se jkun qed jippreżenta l-kontijiet awditjati lill-Kummissjoni Elettorali.

Il-qofol tal-KĠA jintlaħaq il-Ħadd li ġej, sessjoni miftuħa għal kulħadd, li matulha se jkun hemm diversi kelliema li se jindirizzaw temi kurrenti, u tintemm bid-diskors tal-Prim MInistru u Mexxej tal-Partit Laburista Robert Abela.

Il-President tal-Partit Laburista Alex Sciberras qal li l-KĠA se tara lill-Partit Laburista jtenni l-missjoni tiegħu bil-ħidma poltika tiegħu, bħala partit fil-Gvern li jista’ jagħti l-garanzija għall-futur tal-familji u l-ħaddiema.  Qal li d-diskussjoni li se ssir matul dawn il-jiem se tiffoka fuq kif il-Partit se jħares ‘il quddiem lejn ġejjieni b’saħħtu lil uliedna.

Artiklu preċedenti

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport