Thursday, October 2, 2025

Il-Partit Laburista jgħid li hemm tħassib serju minn bosta setturi dwar abbozz ta’ liġi ippreżentat mill-Oppożizzjoni

Aqra wkoll

Wara sentejn li ressaq abbozz ta’ liġi biex jemenda l-Kostituzzjoni dwar l-ambjent, il-Partit Nazzjonalista ntebaħ li dak li ppreżenta lill-Parlament fih nuqqasijiet serji. Dan sar biss wara li diversi għaqdiet u esperti legali esprimew it-tħassib tagħhom għal dak li qed jiġi propost.

Federazzjonijiet sportivi u għaqdiet tad-delizzji, kif ukoll assoċjazzjonijiet ta’ min iħaddem u esperti legali, diġà tkellmu pubblikament dwar il-konsegwenzi li dan l-abbozz jista’ jkollu fuq setturi varji tas-soċjetà.

Il-Partit Laburista jaqbel mal-protezzjoni ikbar tal-ambjent u Gvern Laburista se jibqa’ konsistenti fl-appoġġ tiegħu għal kull tisħiħ tal-liġijiet ambjentali. Dan se jkompli jsir b’mod ippjanat, u mhux bil-ħarba kif qed jagħmel il-Partit Nazzjonalista.

Jeżisti wkoll tħassib mifrux dwar il-mod dilettantesk li bih il-Partit Nazzjonalista kiteb proposta ta’ liġi biex ibiddel il-Kostituzzjoni, bir-riskju li jwassal għal konsegwenzi mhux mixtieqa.

Il-fatt li kellhom ikunu l-għaqdiet volontarji u s-soċjetà ċivili, flimkien mal-Gvern, li jispjegaw in-nuqqasijiet serji f’dan l-abbozz, ikompli jnaqqar mill-kredibilità tal-Oppożizzjoni.

Dan huwa sintomatiku tal-Partit Nazzjonalista, issa taħt il-ħames Kap tiegħu fi 12-il sena. F’qasam wara l-ieħor, kemm b’dan l-abbozz kif ukoll b’wegħdiet oħra tal-aħħar jiem, hija Oppożizzjoni li tfajjar bl-addoċċ mingħajr ma tikkjarifika l-iktar punti bażiċi.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport