Friday, November 14, 2025

Il-Partit Nazzjonalista b’sottomissjoni ta’ konfużjoni għall-Malta Vision 2050

Aqra wkoll

Is-sottomissjoni tal-Partit Nazzjonalista fil-konsultazzjoni għall-Malta Vision 2050 ma hija xejn għajr sottomissjoni ta’ konfużjoni mimlija kontradizzjonijiet.

F’konferenza tal-aħbarijiet, il-Prtit Laburista rreaġixxa għas-sottomissjoni tal-PN li ġiet ippreżentata fit-12 ta’ Novembru wara li l-istess PN ma rnexxielux jagħmel dan f’żewġ deadlines li ngħatawlu.

Fil-fatt, il-Whip tal-Grupp Parlamentari Laburista Naomi Cachia u d-Deputat Alex Muscat fil-bidu tal-konferenza nnutaw li d-dokument li ppreżenta l-PN kien datat Settembru, f’tentattiv li jaħbi l-fatt li għal darba darbtejn, kien tard biex jippreżenta s-sottomissjoni tiegħu.

Apparti minn hekk id-Deputati Laburisti nnutaw numru ta’ inkonsistenzi kbar fid-dokument li ppreżenta l-PN.

“Mela f’paġna 4 fejn qed jitkellmu fuq il-kwalitajiet tajbin tal-Malta Vision 2050. Jgħidulna li din tajba għax “it sets ambitious, measurable targets”. Jiġifieri hija viżjoni b’miri ambizzjużi.

Imma fl-istqarrija għall-istampa li akkumpanjat din ir-reazzjoni tafu x’qalulna? Il-Partit Nazzjonalista jemmen li l-Viżjoni għall-futur ta’ pajjiżna għandha tkun aktar ambizzjuża,” sostna d-Deputat Alex Muscat.

Min-naħa tagħha d-Deputat Naomi Cachia nnutata wkoll li f’paġna 15 ir-reazzjoni tal-PN ssemmi l-bżonn “to introduce statutory Gozo Impact Assessments for all major policies and permits”.  “Mank jafu li Kapitlu 600 li jwaqqaf lill-GRDA jgħid li l-irwol l-aktar importanti ta’ din l-agenzija hu “to ensure that a regional impact assessment, as established in Schedule II, is carried out when government ministries intend presenting to Cabinet (i)  a national strategy; (ii) a national policy; (iii) a national action plan; (iv) major new projects or services; and (v)  regulatory and legislative provisions, which affects or affect, as the case may be, Gozo”. Din ma hijiex xi liġi li ħadd ma jaf bija, għax saret fi żmien meta d-Deputat Jerome Caruana Cilia kien fil-Parlament,” sostniet il-Whip Naomi Cachia.

Dawn kienu biss żewġ eżempji mill-kontradizzjonijiet u żbalji li nnutaw id-Deputati Laburisti fil-konferenza tal-aħbarijiet tal-Partit Laburista hekk kif ġie sostnut li l-Partit Nazzjonalista jinsab f’pożizzjoni fejn lanqas biss jaf x’hawn diġà fis-seħħ f’pajjiżna, u b’hekk ma jistax jipproponi viżjoni għall-futur ta’ Malta.

Quddiem dan kollu l-Partit Laburista temm jgħid li quddiem din l-inkompetenza aktar tikber ir-responsabilità tal-Partit li jaħdem bis-saħħa u b’għaqal favur pajjiżna.

Mhux ta’ b’xejn il-Malti jgħid li “qattus għaġġelija frieħ għomja tagħmel.”

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport