Monday, June 23, 2025

Il-Partit Nazzjonalista jċaħħad lill-poplu minn aktar drittijiet kostituzzjonali

Aqra wkoll

Għal darb’oħra, il-Partit Nazzjonalista reġa’ għażel li ma jkunx fuq in-naħa tal-poplu u vvota kontra kull emenda mressqa mill-Gvern bil-għan li jkompli jissaħħaħ is-settur tal-ġustizzja u fuq kollox is-servizz mitħoqq liċ-ċittadin.

Minkejja l-pożizzjoni estrema tal-Partit Nazzjonalista, b’mozzjoni ta’ proċedura li kienet approvata mill-Parlament u bil-vot tal-Membri Parlamentari Laburisti, pajjiżna issa se jkollu Kummissarju għall-Istandards tal-Ġudikatura.

Dan bil-għan li jkomplu jogħlew l-istandards tal-ġudikatura u ċ-ċittadini jkollhom aċċess għar-rimedju aktar effettiv fil-konfront ta’ membri tal-ġudikatura li jkunu naqsu mid-doveri etiċi tagħhom.

Fl-istess waqt iżda, bil-vot kontra tal-Oppożizzjoni, m’għaddewx emendi oħra li jirrikjedu żewġ terzi tal-Kamra biex ikunu approvati, inkluż emendi li kienu neċessarji biex rapporti li ċittadini għamlu fil-konfront ta’ avukati biex jiġu investigati ħabba nuqqasijiet etiċi, jibqgħu validi.

L-istess kif bil-pożizzjoni estrema tal-Partit Nazzjonalista mhux se jkun possibbli lanqas li jinħolqu aktar sezzjonijiet tal-Qorti Kostituzzjonali, biex tiżdied l-effiċjenza f’kawżi li jitrattaw il-jeddijiet fundamentali tal-individwu.

Emendi oħra kienu jinkludu żieda fl-età tal-irtirar tal-ġudikatura, tisħiħ tal-proċess tal-ħatra tal-Prim Imħallef fuq rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea u l-indirizzar ta’ lakuni legali li jafu joħolqu impass fl-evenwtali ħatra ta’ Awditur Ġenerali, liema emendi kienu jirrikjedu l-vot ta’ żewġ terzi tal-Kamra.

Quddiem il-kompjaċenza u l-konfużjoni tal-Partit Nazzjonalista, Gvern Laburista se jkompli jressaq ‘il quddiem riformi li jsaħħu s-saltna tad-dritt f’pajjiżna u jagħtu aktar saħħa u drittijiet liċ-ċittadin.

Gvern Laburista ser jibqa’ jwettaq riformi bla preċedent u jassigura li r-rieda tal-maġġoranza tkun rispettata u mhux se jħalli lill-Opożizzjoni żżomm lill-Parlament ostaġġ minn li jkomplu jitwettqu riformi kuraġġużi.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport