Saturday, November 16, 2024

Il-Partit Nazzjonalista jiddisassoċja ruħu minn Ryan Mercieca

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Konxju mill-fatt li għandu ċans jiġi elett fil-Parlamenet flok Frederick Azzopardi, li miet ftit tal-jiem ilu, il-PN iddeċieda li jkeċċi lill-kandidat Għawdxi Ryan Mercieca minħabba l-passat tiegħu.

Fl-elezzjoni ġenerali tal-2017 minn fuq Għawdex il-PN tella’ tliet deputati li kienu l-istess Azzopardi, Chris Said u Marthese Portelli.

Wara li Portelli ċediet id-distett t’Għawdex, peress li kienet eletta minn żewġ distretti, postha ħadu David Stellini imma dan ukoll irriżenja u minfloku l-PN għażel lil Kevin Cutajar li għadu jservi fil-Parlament.

Portelli wkoll irriżenjat mill-Kamra tar-Rappreżentanti u minflokha daħal Ivan J. Bartolo li mbagħad ċeda postu biex il-kap il-ġdid tal-PN Bernard Grech ikun jista’ jidħol fil-Parlament.

Dan ifisser li l-kandidati li ma ġewx eletti minn Għawdex u li għandhom ċans jitilgħu jekk jitfgħu n-nomina huma l-istess Ryan Mercieca, Joseph Ellis, Ċensu Galea, Carmel Polidano, Maria Portelli u Jason Zammit.

Fl-ewwel għadd Mercieca kien ġab 738 vot, Ellis 339, Galea 97, Polidano 96, Portelli 433 u Zammit 309 biex hekk jidher li tal-ewwel għandu ċans li jiġi elett jekk jixħed in-nomina.

Din il-possibilita xejn ma niżlet tajjeb mal-PN hekk kif Mercieca kien fil-mira ta’ kritika fuq żewġ każijiet.

Fl-ewwel wieħed huwa tilef libell li kien għamel lill-ġurnal “it-Torċa” wara rapport li ippreżenta firem foloz biex kiseb post fuq għaqda mhux governattiva Għawdxija meta din ma kinitx teżisti.

Il-Maġistrat Francesco Depasquale, illum imħallef, kien irrimarka li Mercieca qarraq bih meta ta l-impressjoni li m’għaddhewx flus.

It-tieni każ wassal biex l-Università ta’ Malta ħadet passi kontrih wara li qabditu jgħaddi materjal ikkuppjat fit-teżi għad-dottorat li ippreżentalha.

Konxji minn dan, kemm il-Kap tal-PN Bernard Grech kif ukoll is-Segretarju Ġenerali Francis Zammit Dimech iddiskutew il-każ u talbu lill-Kummissjoni, Etika, Dixxiplina u Media biex tinvestiga l-imsemmijin żewġ każijiet.

Mercieca ssejjaħ quddiem listless kummissjoni fejn, bil-għajnuna ta’ avukat, iddefenda l-pożizzjoni tiegħu madankollu l-membri tal-kummissjoni ikkonkludew li huwa ma rnexxilux jagħti spjegazzjoni sodisfaċenti għall-akkużi serji li saru kontrih.

Kien għalhekk li ġie deċiż li huwa ma jkunx kunsidrat bħala kandidat għall-elezzjoni każwali li se ssir fil-5 ta’ Novembru biex jimtela l-post battal minn Azzopardi.

B’Mercieca jinsisti li xorta kien se jitfa’ in-nomina tiegħu, il-PN iddeċieda li la ma kienx dispost joqgħod għad-direzzjoni li tawh biex ma joħroġx kellhom jibdew il-proċeduri biex huwa jitkeċċa mill-partit.

Dan ifisser li jekk Mercieca jitfa’ in-nomina tiegħu, kif s’issa huwa l-ħsieb, u jkun elett fil-Parlament huwa jkun meqjus bħala indipendenti.

Il-Parlament diġà qiegħed f’sitwazzjoni fejn għandu tliet deputati li ma jiffurmawx parti mill-gruppi parlamentari Laburista u Nazzjonalista.

Ekonomija

Sport