Malta għandha bżonn Gvern żagħżugħ, kuraġġuż u enerġetiku li jpoġġi lin-nies l-ewwel. Il-Partit Nazzjonalista se jibni pajjiż li joffri tama, opportunitajiet u serħan il-moħħ.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg stqarr dan illum waqt attività fiċ-ċentru tal-AŻAD fil-Belt Valletta, fejn wieġeb numru ta’ mistoqsijiet li sarulu minn diversi żgħażagħ.
Alex Borg qal li Gvern ġdid Nazzjonalista mhux biss jara li ż-żgħażagħ jibnu futur għalihom iżda jkunu l-protagonisti f’pajjiżna. Il-Partit Nazzjonalista kontinwament qed jagħti pjattaforma liż-żgħażagħ biex jikbru u jimirħu kemm fuq bażi ta’ Kunsilli Lokali u permezz tal-Youth Think Tank li jgħin lill-Partit Nazzjonalista jfassal il-politika tiegħu.
Alex Borġ qal li l-Partit Nazzjonalista huwa impenjat li jagħti l-għodda lill-istudenti biex mhux biss jitgħallmu l-akkademiku u l-kontenut, imma anke l-ħiliet biex ikunu kapaċi jkompli jiżviluppaw ħiliet ġodda anke meta jkunu temmew l-istudji. Huwa għamel referenza għal stħarriġ riċenti tal-EY fejn ġiet innutata l-ħtieġa li jkollna sistema edukattiva b’saħħitha biżżejjed biex tlaħħaq mad-domanda fil-ħiliet meħtieġa fl-oqsma tax-xogħol li jrendu. Alex Borg qal Malta ma tistax titlef l-opportunità li jkollha iżjed ħaddiema ppreparati u mħarrġa li jkunu jistgħu jaħdmu fl-oqsma moderni bħall-AI, 3D printing u oħrahn.

