Sunday, December 22, 2024

“Il-partitarji Beltin huma t-12-il plejer … nitlobhom ikunu magħna biex naħdmu lejn żmien aktar pożittiv”

Thane Micallef, coach ħabrieki u dedikat ta' Valletta FC

Aqra wkoll

Fil-passat mexxa wkoll lil Pembroke Athleta FC, waqt li fl-istaġun li għadda mexxa lil Gudja United FC għat-tragward storiku tas-sitt post fil-Kampjonat Premier.

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-football?

Kont għadni tifel żgħir u niftakar li kont immur nara ħafna logħbiet fil-ground apparti li fuq it-televixin kont insegwi dak li kien jiġri fil-football Taljan u Ingliż.

Kelli wkoll familja li kienet iffissata fuq il-football u aktar tard bdejt nilgħab ukoll ma’ xi timijiet. Tista’ tgħid li dejjem kont inħobb dan l-isport tant sabiħ.


Ilek għal dawn l-aħħar xhur bħala coach ta’ Valletta FC. X’jidhirlek s’issa minn dan it-team glorjuż li kiteb l-istorja tal-football Malti?

Ċertament li hi esperjenza ġdida u sa ċertu punt mhux tas-soltu. Meta ilħaqt ftehim mad-diriġenza tal-club sabiex inkun il-coach tagħhom, verament kont qed nistenna l-bidu ta’ dan l-istaġun.

Għalija hu ta’ unur li qed immexxi club ewlieni Malti li kif għedt tajjeb int kiteb parti mill-istorja tal-football tal-pajjiż.

L-għan tiegħi f’dan l-istadju hu li nagħti identitá lil dan il-club u nħassru xi ftit il-passat riċenti li ma tantx kien daqshekk pożittiv. Ċertament li nittama li niksbu riżultati aħjar u huwa għalhekk li nitlob ftit tal-paċenzja min-naħa tal-partitarji tant akkaniti ta’ Valletta. 

L-objettiv ewlieni tiegħi hu li jkollna pożizzjoni aktar xierqa fil-kampjonat.

Iżda taħseb li għandek skwadra b’saħħitha biżżejjed sabiex tirbħu l-kampjonat?

Ma rridx inkun prużuntuz u ngħid hekk, anzi xi ħaġa li dejjem għedt lil kulħadd hu dak li nżommu saqajna mal-art u nkomplu dan il-proċess li jieħu ż-żmien speċjalment b’diversi plejers żgħażagħ li qed nintroduċu bil-mod. Qegħdin fi proċess ta’ ristruturazzjoni tal-klabb u r-riżultati li nkunu ksibna f’dan l-istaġun ikunu mera ta’ dak kollu li nkunu għamilna f’dawn ix-xhur li ġejjin.

X’inhi l-opinjoni tiegħek dwar il-kumitat ta’ Valletta FC u anke dwar il-partitarji numerużi Beltin?

Bla dubju jekk nibda bil-partitarji Beltin, dawn tabilħaqq huma t-12-il player fil-ground. Huma jagħtu s-sapport il-ħin kollu tal-logħba u dan stajt ninnutah anke qabel ma dħalt ma’ dan il-klabb. Meta jkollok partitarji bħal dawn bla dubju l-grinta tiġi waħedha. 

Sadanittant hemm entużjażmu mhux biss mill-partitarji Beltin iżda wkoll il-membri tal-kumitat li jaħdmu bla heda sabiex jaraw lit-team ta’ qalbhom fl-aktar postijiet għoljin fil-klassifika.

Nemmen li l-entużjażmu, ix-xogħol bla heda li jsir u l-passjoni għat-tim huma l-ingredjenti għas-suċċess.

Int fl-istaġun li għadda kont tmexxi lil Gudja United fil-kampjonat Premier. Irnexxielek tikteb l-istorja hekk kif wassalt lit-team għas-sitt post tal-klassifika li hu riżultat storiku. Kif tħares lejn din l-esperjenza?

Bla dubju li nibqa’ niftakar sew iż-żmien li qattajt ma’ Gudja United FC. Kien kampjonat ferm diffiċli meta tqis li kellna 12-il tim jikkompetu b’mod ugwali.

Kienet esperjenza sabiħa ferm li mexxejt lil dan it-tim. Kien hemm ħafna xogħol min-nies differenti li għenu sabiex it-team jispiċċa fl-ogħla pożizzjoni possibbli fl-istorja tiegħu. Jien ħassejt sodisfazzjon kbir li kont parti minn dan it-tim dinamiku. 

Iżda x’taħseb li kien is-sigriet li spiċċajtu mal-ewwel sitta fil-Kampjonat Premier?

Jien nemmen ħafna fl-għaqda tat-team u din kienet katalista sabiex wasal dan is-suċċess xejn mistenni. Kellna karattri tajbin ħafna fit-team u ħdimna ħafna sabiex irnexxielna nwettqu dan ir-riżultat storiku.

Int kont ukoll ma’ Pembroke Athleta bħala coach. Kif tiddeskrivi din l-esperjenza?

L-ewwel nett l-esperjenza tiegħi ma’ Pembroke Athleta kienet l-ewwel waħda tiegħi mmexxi tim tal-kbar. Inqisha bħala esperjenza pożittiva ferm fejn kont imdawwar bi staff professjonali u motivati sabiex immorru tajjeb.

Madankollu kellna togħma morra ħafna fl-aħħar meta l-logħob tal-Kampjonat tal-Ewwel Diviżjoni twaqqaf minħabba l-pandemija tal-COVID-19. Dakinhar fl-opinjoni tiegħi kien ħaqqna nitilgħu fl-ogħla diviżjoni Maltija meta tqis li aħna u Marsa FC konna ddominajna dak il-kampjonat. 

Kienet ħasra li ma stajniex niċċelebraw il-promozzjoni u wisq anqas il-fatt li konna morna tant tajjeb f’dak l-istaġun minħabba li ma kinux intlagħbu 75 fil-mija tal-partiti.

Taħseb li hemm differenza bejn it-timijiet ta’ fuq u dawk ta’ taħt fil-Kampjonat Premier?

Jien ngħid li d-differenza bejn dawk imsejħa ta’ fuq u ta’ taħt naqqset ħafna f’dawn l-aħħar snin. Tinsiex li ħafna timijiet investew f’ħafna plejers barranin u għalhekk il-livell tat-timijiet hekk imsejħa żgħar għola mhux ftit. Aħna bħala Gudja FC fl-istaġun li għadda kellna barranin ta’ livell imħallta ma’ plejers Maltin li urew it-talent tagħhom sabiex ksibna dak ir-riżultat tant sabiħ.

Taqbel li għad ikun hawn 11-il player barrani jilagħbu fl-istess ħin fil-ground waqt logħba tal-Kampjonat Premier?

Ifhem, trid tara din il-proposta fuq iż-żewġ naħat tal-munita. Fuq naħa wieħed irid jgħid li din il-proposta ma tantx tissalvagwardja t-talent Malti u xi kultant jingħalaq dak iċ-ċans li ma narahiex xi ħaġa sew. 

Minkejja kollox, jekk trid intik in-naħa l-oħra tal-munita, dan il-fattur jaf ikun stimolu għall-plejers żgħażagħ Maltin sabiex jgħollu l-livell tagħhom u jkunu ta’ kompetizzjoni għal dawn il-plejers li jiġu minn barra minn Malta. B’hekk ukoll ma tinħoloqx ‘l hekk imsejħa comfort zone. 

Iżda temmen li l-players barranin li jiġu f’pajjiżna jkunu ta’ livell?

Ifhem, issib minn kollox. Hawn numru ta’ players barranin li huma ta’ livell, oħrajn li ma tantx juru differenza mil-logħob tal-players Maltin.

Kuntent bil-grounds fejn jintlagħab il-logħob tal-Kampjonat Premier?

It-tliet grounds fejn jintlagħab il-logħob huma kollha ta’ livell. Hu veru li fil-bidu tal-istaġun kien hemm problema bil-ħaxix tal-grawnd speċjalment ta’ Kordin u Ta’ Qali iżda din kienet xi ħaġa temporanja għax is-soltu dejjem ikunu tajbin. 

U x’taħseb dwar il-kontroll tar-referees?

L-ewwelnett xejn m’hu faċli li tikkontrolla logħba mill-ogħla kampjonat Malti. Bħalma jiżbaljaw il-players u l-coaches, hekk ukoll jiżbaljaw ir-referees għax huma umani bħal kulħadd.

Kif jirnexxielek tlaħħaq max-xogħol u mal-football?

Mhux biċċa xogħol faċli minħabba li bħala coach apparti li jmexxi lit-tim irid janalizza u jippjana s-sessjonijiet ta’ taħriġ.

Kif qed tarah il-futur tiegħek?

Jien mhux xi bniedem li nħobb nippjana fit-tul speċjalment għax il-ħajja ta’ kowċ tinbidel mil-lejl għan-nhar. Madankollu bħalissa qed naħseb fuq il-preżent u nħares lejn din l-esperjenza sabiħa ma’ Valletta FC.

Nixtieqek tgħaddi messaġġ lill-partitarji ta’ Valletta FC.

L-ewwel nett nirringrazzjahom tas-sapport li dejjem juru fit-team. Nitlobhom sabiex jieħdu paċenzja għax se jiġu mumenti diffiċli iżda dawn kapaċi jiġu ssuperati jekk kuħadd ikun katina flimkien.

… u messaġġ ieħor lil dawk it-tfal u / jew żgħażagħ li qed jaspiraw li fil-futur, bħalek isiru coaches.

Meta int tkun coach, bla dubju li jrid ikollok l-entużjażmu lejn ix-xogħol. Din naraha bħala vokazzjoni li fiha ħafna sfidi iżda li fl-aħħar mill-aħħar tagħtik ħafna sodisfazzjon!

Ekonomija

Sport