Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn l-OCR?
F’Ottubru tal-2020 kont mort nara liz-ziju tiegħi jieħu sehem f’kompetizzjoni tal-OCR, li sa dak iż-żmien qas kont naf x’inhu l-ocr. Kif rajt l-atleti jikkompetu fuq diversi ostakli differenti, mill-ewwel ħassejt li l-OCR huwa l-isport li xtaqt nagħmel.
X’tikkumenta fuq is-suċċess li ksibt fl-Iżvezja fil-jiem li għaddew?
L-esperjenza tiegħi fl-Iżvezja kienet waħda pożittiva li żgur ma ninsa qatt. It-tellieqa kienet twila 3km b’aktar minn 20 ostaklu u irnexxieli nispiċċa fit-12-il post minn 42 atleta, b’ħin tajjeb u mingħajr ma kelli l-ebda penali.
X’suċċessi maġġuri oħra ksibt fil-karriera tiegħek sa issa?
F’Marzu tal-2024 tlajt Ruma nikkompeti fl-‘Imperium Race’ u ġejt fl-ewwel post. Suċċess ieħor kien il-Kampjonat tal-OCR is-sena l-oħra. Spiċċajt fl-ewwel post b’punti indaqs ma’ ħabibti Faith Buttigieg. F’dawn l-aħħar sentejn, ikkompetejt ukoll tliet darbiet barra minn Malta mat-tim nazzjonali.
X’tikkumenta fuq il-kowċis, Julian Briffa u Mearaid Ciantar Brown?
Il-kowċis tiegħi, Julian Briffa u Mearaid Ciantar Brown, kienu ta’ għajnuna kbira biex inrabbi l-kunfidenza meħtieġa. Bil-paċenzja u l-appoġġ tagħhom dejjem wassluni biex nagħti l-aħjar tiegħi u nkompli nitjieb, mhux biss fiżikament iżda wkoll mentalment. Għal dan kollu jiena grata ħafna. Huma jipreparawna sew ghal kull kompetizzjoni li jkollna li jgħini ħafna biex nibqa kalma u ffukata.
Kif tqis il-livell tal-OCR f’pajjiżna fil-preżent?
Il-livell tal-OCR f’pajjiżna jista’ jitqies bħala wieħed għoli ħafna. Il-kompetizzjonijiet lokali qed isiru dejjem aktar ta’ sfida, b’ostakli aktar tekniċi. Dan mhux biss jiġbed atleti ġodda iżda wkoll isaħħah il-prestazzjoni ta’ dawk stabbiliti. Barra minn hekk, għandna numru konsiderevoli ta’ atleti b’talent kbir li qed juru progress kostanti u anki jikkompetu b’suċċess barra minn xtutna. Dan juri li l-livell qed jogħla kontinwament.
Kif tqis il-livell tar-riżorsi fejn titħarrgu u jkollkom il-kompetizzjonijiet tagħkhom?
Il-livell tar-riżorsi fejn nitħarreġ u jkollna l-kompetizzjonijiet huwa wieħed tajjeb ħafna. Jiena nitħarreġ fil-Club Fitness Center ġewwa l-Qrendi, fejn hemm faċilitajiet moderni u ambjent professjonali li jagħtini l-opportunità ntejjeb kemm il-kundizzjoni fiżika kif ukoll il-ħiliet speċifiċi għall-OCR. Julian Briffa jinvesti ħafna fil-post biex ikun dejjem sikur u mgħammar b’ostakli varji.
Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fl-OCR?
Il-futur tiegħi fl-OCR qed narah bħala wieħed promettenti u mimli opportunitajiet. L-interess fl-isport qiegħed dejjem jikber u b’aktar esperjenza, taħriġ u appoġġ professjonali, jiena fiduċjuża li mhux biss se nkun nista’ nkompli nikseb suċċessi fuq livell nazzjonali, iżda wkoll li nkun kompetittiva fuq livell internazzjonali. L-għan ewlieni tiegħi hu li nibqa’ nikber, inwassal l-isport f’livelli ogħla u nkun ta’ ispirazzjoni għall-ġenerazzjonijiet ġodda ta’ atleti.
Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fl-OCR.
Il-messaġġ tiegħi hu li wiehed m’ghandu qatt ma jibża’ mill-isfidi. Dan l-isport irid dixxiplina, paċenzja u perseveranza, imma fl-istess ħin jagħtik sodisfazzjon kbir u jagħmlek persuna aktar b’saħħtek. Ipprepara ruħek biex taħdem b’dixxiplina kbira, tittrenja anke meta ma’ jkollokx aptit. Emmmen fik innifsek u fittex l-appoġġ ta’ kowċijiet u sħabek fit-taħriġ li jmexxuk ’il quddiem. L-iktar ħaġa importanti hi li tibqa’ tgawdi kull pass tal-vjaġġ tiegħek, għax il-passjoni hi dik li fl-aħħar mill-aħħar tagħtik is-saħħa biex tirnexxi.