Sunday, November 24, 2024

Il-PE jadotta l-ewwel regoli tal-UE dwar il-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa

Aqra wkoll

Ir-regoli l-ġodda għandhom l-għan li jipprevjenu l-vjolenza abbażi tal-ġeneru u jipproteġu l-vittmi tagħha, speċjalment in-nisa u l-vittmi tal-vjolenza domestika.

B’522 vot favur, 27 vot kontra, u 72 astensjoni, nhar l-Erbgħa l-Parlament Ewropew adotta l-ewwel regoli li qatt kellha l-UE dwar il-ġlieda kontra l-vjolenza kontra n-nisa u l-vjolenza domestika. Id-direttiva tappella għal liġijiet aktar b’saħħithom kontra l-vjolenza ċibernetika, assistenza aħjar għall-vittmi, u passi għall-prevenzjoni tal-istupru.

Ir-regoli l-ġodda jipprojbixxu l-mutilazzjoni ġenitali femminili u ż-żwieġ furzat u jiddeskrivu linji gwida partikolari għal reati mwettqa online, bħall-iżvelar ta’ informazzjoni privata u s-cyberflashing.

Il-leġiżlazzjoni l-ġdida se tinkludi lista itwal ta’ ċirkostanzi aggravanti għal reati li jwasslu għal pieni aktar severi, bħal reati kontra personalitajiet pubbliċi, ġurnalisti, jew difensuri tad-drittijiet tal-bniedem. Il-lista tinkludi wkoll l-intenzjoni li l-vittmi jiġu kkastigati abbażi tal-ġeneru, l-orjentazzjoni sesswali, il-kulur tal-ġilda, ir-reliġjon, l-oriġini soċjali, jew it-twemmin politiku tagħhom, u x-xewqa li jinżamm jew jinġieb lura “l-unur”.

Servizzi tas-saħħa sesswali u riproduttiva li għandhom ikunu disponibbli

Is-sikurezza u l-benesseri tal-vittmi għandhom jingħataw prijorità billi jiġi pprovdut aċċess għal akkomodazzjoni protetta fost affarijiet oħra. Il-kura tas-saħħa għandha tkun aċċessibbli, inklużi s-servizzi tas-saħħa sesswali u riproduttiva. L-awtoritajiet tal-Istati Membri se jkollhom obbligi msaħħa ta’ rappurtar u ta’ ġbir ta’ evidenza, u se jkollhom irawmu s-sensibilizzazzjoni tal-pubbliku dwar il-fatt li s-sess mhux kunsenswali jitqies bħala reat kriminali.

Minħabba l-insistenza tal-PE, il-Kummissjoni se tirrapporta kull ħames snin dwar jekk ir-regoli għandhomx jiġu riveduti.

Il-passi li jmiss

Ir-regoli l-ġodda se jidħlu fis-seħħ għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħhom fil-Ġurnal Uffiċjali tal-UE. L-Istati Membri għandhom tliet snin biex jimplimentaw id-dispożizzjonijiet.

Sport