Wara li l-Parlament approva b’maġġoranza kbira r-rapport innegozjat mill-MPE Alex Agius Saliba fi ħdan il-Kumitat għas-Suq Intern, l-Unjoni Ewropea se tipproteġi aħjar ir-reżiljenza tal-infrastrutturi kritiċi u s-servizzi essenzjali tagħha li jaffettwaw l-għajxien taċ-ċittadini u n-negozji kollha.
Ir-regoli l-ġodda adottati mill-Parlament Ewropew se jagħtu spinta lill-protezzjoni tal-infrastrutturi essenzjali tal-Unjoni u se jsaħħu l-kapaċità tagħha li tirreaġixxi malajr għad-danni kkawżati minn kwalunkwe tfixkil, inċident, kriżi, jew avveniment katastrofiku potenzjali.
Matul id-dibattitu Parlamentari, il-MPE Alex Agius Saliba stqarr: “Aħna lkoll niddependu fuq servizzi essenzjali bħall-enerġija, it-trasport, l-ilma, l-infrastruttura diġitali, is-saħħa, il-produzzjoni, u d-distribuzzjoni tal-ikel. Huwa fl-interess tal-Ewropej kollha li jipproteġu, issa aktar minn qatt qabel, is-servizzi u l-infrastrutturi li għandhom rwol indispensabbli fiż-żamma ta’ funzjonijiet tas-soċjetà u attivitajiet ekonomiċi vitali fis-suq intern.”
Il-MPE Agius Saliba qal li l-pajjiżi ħadmu flimkien matul il-pandemija tal-COVID-19 biex jipproteġu s-saħħa tal-popolazzjoni filwaqt li jevitaw tfixkil għall-moviment liberu tal-persuni u l-konsenja ta’ oġġetti u servizzi essenzjali madwar l-Ewropa.
Huwa enfasizza wkoll li mill-bidu tal-gwerra fl-Ukrajna, l-Ewropa kienet rat sabotaġġi differenti kontra xi wħud mill-infrastrutturi kritiċi tagħha, bħal pipelines, kejbils tal-fibra ottika u komunikazzjonijiet, u servizzi tat-trasport. Agius Saliba tenna li l-pipelines u l-kejbils ta’ taħt l-ilma huma infrastrutturi essenzjali li jgħaqqdu liċ-ċittadini u lill-kumpaniji Ewropej mad-dinja, u s-sabotaġġ reċenti fuq tali infrastrutturi, bħal dak kontra n-Nord Stream, huwa eżempju ta’ kemm aħna vulnerabbli u mhux ippreparati.
Il-MPE Alex Agius Saliba spjega li l-Unjoni Ewropea ma tistax’ dejjem tistenna sakemm isseħħ xi ħaġa, u minflok trid taħdem biex tkun ippreparata u reżiljenti għal tfixkil u inċidenti f’daqqa. Waqt id-dibattitu fil-Plenarja tal-Parlament Ewropew, huwa spjega li l-ħidma fuq il-leġiżlazzjoni l-ġdida bdiet fil-bidu tal-pandemija, iżda issa aktar minn qatt qabel, l-Unjoni trid tipproteġi liċ-ċittadini tagħha, tissalvagwardja l-infrastrutturi kritiċi tagħna u tħejjihom għal kwalunkwe tfixkil f’daqqa bħal pandemija, gwerra, sabutaġġ, jew diżastru naturali.
“Ir-regoli l-ġodda li nnegozjajna għandhom l-għan li jibnu t-tħejjija tagħna, isaħħulna r-reżiljenza, u jżidu l-kooperazzjoni tagħna fl-Ewropa. Se napplikaw dawn ir-regoli għal 11 -il settur ewlieni: l-enerġija, it-trasport, il-banek, l-infrastruttura tas-suq finanzjarju, l-infrastruttura diġitali, l-ilma tax-xorb u l-ilma mormi, l-ikel (inklużi l-produzzjoni, l-ipproċessar u t-twassil), is-saħħa, l-amministrazzjoni pubblika, u l-ispazju,” temm jgħid il-Viċi President tal-Grupp tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi Alex Agius Saliba.